Jidher li l-Ministri tal-Gvern Laburista inghataw struzzjonijiet biex idoqqu kantaliena waħda fid-difiża tagħhom għall-fatt li ċ-Chief of Staff tal-Prim Ministru Keith Schembri ma xehedx fil-Qorti f’kawża ta’ libell li fetaħ hu stess.
Fost l-oħrajn, il-Ministru tal-Ġustizzja Owen Bonnici qal li jaqbel mal-pariri li ngħata Keith Schembri biex jaħrab mill-mistoqsijiet tal-Avukat Jason Azzopardi, f’isem id-Deputat Nazzjonalista Simon Busuttil. Mhux talli hekk, talli ċ-Chief of Staff ta’ Muscat għażel li jirtira l-libell innifsu.
Mistoqsi minn NET News dwar l-attitudni ta’ Keith Schembri, Owen Bonnici qal li jaqbel mal-pożizzjoni li l-Avukati ta’ Schembri tawh. Madankollu, hu ħarab milli jwieġeb għaliex iċ-Chief of Staff tal-Prim Ministru ma għażilx li jirrepeti l-istess stqarrija darbtejn – fil-kawża ta’ libell u fl-Inkjesta li għadha kif infetħet.
Min-naħa l-oħra, il-Ministru Bonnici qal li għandu fiduċja sħiħa fid-deċiżjonijiet tal-Ġudikatura. Madankollu, ma kienx komdu jikkummenta dwar il-fatt li l-Maġistrat waqt il-kawża ta’ libell insista ma’ Keith Schembri biex iwieġeb … iżda ċ-Chief of Staff tal-Prim Ministru baqa’ xorta ma weġibx.
NET News fakkar lill-Ministru tal-Ġustizzja f’okkażjonijiet differenti fl-aħħar snin meta membri oħra fil-Partit Laburista rriżenjaw jew intalbu jirriżenjaw għal xi ħaġa ferm iżgħar – bħal fil-każ ta’ Anġlu Farrugia li tneħħa minn Deputat Mexxej Laburista meta għadda kumment dwar il-Ġudikatura.
Iżda f’dan il-każ ta’ 17 Black, l-id il-leminija ta’ Muscat baqa’ għaddej, minkejja li sfida lill-Maġistrat u baqa’ ma weġibx il-mistoqsijiet li sarulu. Dwar dan kollu, il-Ministru Owen Bonnici nħeba wara l-ispjegazzjoni li ta Keith Schembri.
Il-Ministru Owen Bonnici hu qrib sew tal-Prim Ministru Joseph Muscat. Tant hu hekk li kien wieħed mill-ftit magħżula minn Muscat biex jara r-Rapport sħiħ tal-Inkjesta Egrant, li s’issa ghadu qed jinzamm mohbi anke mill-Kap tal-Oppożizzjoni Adrian Delia.
//= $special ?>