Bil-frażi “What the fuck joe” il-Prim Ministru wieġeb għal akkużi ta’ abbuż u illegalitajiet f’Għawdex. Dan skont emails li ġew żvelati illum mis-sit The Shift News.
Il-korrispondenza mibugħta minn kanvaser tal-Partit Laburista, tiffoka fuq l-iżviluppatur Għawdxi Joseph Portelli. Fil-fatt, l-email tal-kanvaser Joseph Dalli inbagħtet biex tiġbed l-attenzjoni tal-Prim Ministru dwar allegat abbuż li kien għaddej fil-bajja ta’ San Blas. L-email intbagħtet ukoll liċ-Chief of Staff f’Kastilja, Keith Schembri.
Din il-korrispondenza tmur lura għal Ġunju 2014.
Meta rċieva l-ilment ta’ Joseph Dalli, Muscat wieġbu li din ta’ San Blas kienet biss qlajja, bil-Prim Ministru jgħidlu “What the fuck Joe! I am offended“.
Kollox jindika li Dalli kien wieħed mill-ħafna persuni imqabbad mill-PL biex iwassal il-propaganda laburista fuq Facebook.
Ir-rabja ta’ Dalli reġgħet ħarġet fl-aħħar jiem meta hu mill-ġdid bagħat korrispondenza oħra fejn din id-darba kien ikkupjat iċ-Chairman Eżekuttiv tal-Awtorita’ tal-Ippjanar Johan Buttigieg. Dan għaliex l-istess żviluppatur kien il-moħħ wara l-applikazzjoni għal villa bil-pool fuq art ODZ fil-Qala – permess li ġibed rabja enormi mill-Għawdxin.

Dalli jallega li l-Prim Ministru qed jipproteġi dan l-abbuż f’Għawdex. “Prim Ministru, ma tistax tgħid li ma tafux”, isostni dan il-kanvaser Laburista fl-emails tiegħu.
