Fil-foyer tal-uffiċini ta’ Malta Enterprise bħalissa għaddejja wirja ta’ arti b’diversi xogħolijiet li jinsabu għal bejgħ b’risq Caritas.
Ix-xogħolijiet saru minn 18-il artist differenti u t-tema tal-wirja, taħt id-direzzjoni tal-kuratriċi Pamela Baldacchino hija Longing – Belonging.
F’diskors qasir, iċ-Chairman ta’ Malta Enterprise William Wait, qal li din il-wirja tagħmel parti mill-ħidma soċjali tal-Aġenzija.
Qal ukoll li din mhux l-ewwel kollaborazzjoni li Malta Enterprise kellha mal-Caritas fejn saru diversi donazzjonijiet, fosthom anki għall-food bank.
Min-naħa tiegħu, id-Direttur ta’ Caritas Malta Anthony Vella irringrazzja lil Malta Enterprise tal-assistenza.
Hu fakkar li filwaqt li Caritas hi magħrufa l-iktar għall-ħidma tagħha fil-programmi ta’ rijabilitazzjoni minn vizzji diversi, Caritas taħdem ukoll ma’ diversi persuni vulnerabbli fis-soċjeta’ li jkun għaddejjin minn diffikultajiet partikolari, mhux l-inqas il-faqar materjali.
Hu qal li permezz tad-dħul minn dawn il-biċċiet tal-arti, Caritas Malta tkun tista’ tkompli taħdem mal-iktar persuni li għandhom bżonn.
//= $special ?>