Lokali Parlament

Mario Cutajar jingħata kumpens ta’ €7,000


Is-Segretarju Permanenti fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru Mario Cutajar ingħata kumpens ta’ €7,000 minn bord tal-Gvern wara li kien dikjarat li kien trattat b’mod inġust bejn l-2008 u l-2013.

Dan irriżulta minn tweġiba prlamentari tal-Prim Ministru Joseph Muscat għal mistoqsija tad-deputat Nazzjonalista Ryan Callus. Kien fl-2014 li Mario Cutajar, li kien diġà impjegat fil-kariga tiegħu fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru, ressaq talba għal kumpens quddiem bord kien twaqqaf f’dik is-sena.

Mario Cutajar kien ilmenta dwar rimedju li kien ingħata lilu mill-Ombudmsan dwar każ ta’ diskriminazzjoni. Fl-2009 Mario Cutajar kien ngħata salarju ta’ skala 4 skont id-deċiżjoni tal-Ombudmsan iżda dan l-arranġament kien ibbażat fuq sena probation.

Il-Prim Ministru qal li din il-ħatra kienet saret mingħajr il-kunsens tal-Kummissjoni għas-Servizz Pubbliku u għalhekk iż-żieda fis-salarju ma kellha l-ebda effett fuq il-pensjoni. Meta l-perjodu tal-probation intemm, il-ħatra ta’ Cutajar fi skala 4 ma kienetx imġedda u kieku mhux għax ressaq ilment, hu kien imur lura għas-salarju li kellu fl-1985.

Il-Prim Ministru kompla li meta l-kuntratt ta’ Cutajar minn ma’ Heritage Malta kien terminat, Cutajar ingħata impjieg f’post ieħor li kien 12-il skala inqas fis-salarju. Hu ma ngħata l-ebda xogħol f’attentat biex ikun umiljat, sostna l-Prim Ministru, li kompla li Cutajar kien tpoġġa f’uffiċċju li fih kien hemm impjegati li kellhom paga ogħla minnur u kellhom anki diversi benefiċċji fosthom l-użu tal-karrozzi.

Il-Prim Ministru kompla li bejn l-2008 u l-20012, Mario Cutajar applika għal għexieren ta’ direttorati iżda qatt ma kien appuntat f’post waqt li meta kien jidher li se jkun appuntat, il-proċess ta’ ingaġġ kien jitwaqqaf.

Il-Prim Ministru qal li l-bord stabilixxa li l-bordijiet tal-għażla kienu jirrikonoxxu l-kwalitajiet ta’ Cutajar iżda fl-istess waqt isibu xi forma ta’ impediment li jżommu milli jingħażel.

F’okkażjoni minnhom il-bord tal-għażla daħħal dubji dwar il-kapaċitajiet ta’ Cutajar fi kwistjonijiet relatati max-xogħol u r-relazzjonijiet industrijali meta l-istess Cutajar kellu 15-il sena esperjenza fir-relazzjoniiet mal-unions tal-ħaddiema.