L-Italja qed tħejji biex tiddikjara stat ta’ emerġenza għal Venezja wara li din il-famuża belt fuq l-ilma ġarrbet l-impatt ta’ għargħar, għoli xi 1.87 metru — bir-riżultat li l-bażilika storika infaqgħet bl-ilma u bid-dawl jinqata’ għal numru ta’ djar.
Il-livelli għoljin tal-ilma, fost il-maltemp li laqat ir-reġjuni lejn in-naħa ta’ fuq tal-Italja, ikkaġunaw għargħar għal aktar minn 80 fil-mija ta’ Venezja – li l-UNESCO iddikjaraha bħala sit għall-patrimonju dinji.
Sadattant, il-Prim Ministru Taljan, Giuseppe Conte, fisser l-għargħar ta’ Venezja bħala ‘daqqa ta’ stallett fil-qalb tal-Italja’. Fl-istess ħin, Conte sostna li l-Gvern tiegħu mhux se jitlef iż-żmien biex jipprovdi l-fondi u r-riżorsi biex jagħmlu tajjeb għall-ħsarat dovuti għall-maltemp f’din il-belt.
Conte, wara li żar ir-reġjun, esprima dispjaċir għall-ħsarat sinifikanti fl-inħawi ta’ Venezja. Hu tenna ‘li l-wirt artistiku ta’ din il-belt spiċċa kompromess’ u li ‘ħassew ukoll l-impatt l-attivitajiet kummerċjali f’din il-belt’.
Il-Gvern Taljan, issa, qed jaħseb biex jaċċellera l-bini tad-difiżi strutturali għal din il-belt imdawwra bl-ilma. F’dan il-każ, il-Prim Ministru Conte irrefera għall-‘proġett ta’ Mosè li jinvolvi sistema ta’ barrieri li għandha ‘tirreżisti’ l-ilma tal-laguna f’sitwazzjonjiet fejn il-livelli tal-baħar jogħlew, kif ukoll waqt il-maltempati tax-xitwa.
Ir-residenti ta’ Venezja, illum, qamu fost id-daqq tas-sireni li indikaw li l-ilma ta’ barra ‘kellha żżomm il-livelli għoljin’ fil-jiem li ġejjin.
Is-Sindku ta’ Venezja, Luigi Brugnaro, qal, sadattant, li l-bidliet fil-klima qegħdin jaħtu ‘għall-ogħla livelli tal-ilma (din il-ġimgħa) għal ħamsin sena’, filwaqt li wissa li l-impatt kien wieħed ‘tremend’ u għandu jħalli marka permanenti.
Il-Pjazza ta’ San Mark – li tinsab f’waħda mill-aktar zoni baxxi ta’ Venezja – kienet fost agħar inħawi milquta mill-għargħar.
Brugnaro sostna li l-famuża Bażilika ta’ San Mark sofriet ‘ħsarat kbar’ u bil-kripta storika tispiċċa kompletament mgħarrqa għal xi żmien. Dan fost l-inkwiet li l-kolonni tal-Bażilika setgħu ġarrbu l-ħsarat strutturali, bis-Sindku, Brugnaro, iwissi, li l-ħsarat tal-elementi għal Venezja qegħdin ikunu kalkulati bil-mijiet tal-miljuni tal-ewro.
//= $special ?>