Il-Moviment Graffitti jtenni l-appoġġ tiegħu lir-residenti tal-Isla, Bormla u l-Birgu fit-taqtigħa tagħhom kontra l-estensjoni tal-“Università” li se tisraq spazju miftuħ ieħor lill-komunità. L-estensjoni tal-binja tal-AUM mhux biss mhijiex neċessarja, iżda hija attentat ta’ serq fid-dawl tax-xemx għas-skapitu tan-nies tal-Kottonera.
Huwa b’hekk li l-Moviment bi ħsiebu jattendi u jappoġġja bis-sħiħ il-protesta tar-residenti li ġiet imsejħa għal nhar il-Ħadd, 17 ta’ Novembru, u jħeġġeġ lir-residenti mill-Kottonera kollha joħorġu jsemmgħu leħenhom kontra dan il-proġett. Il-Moviment Graffitti jinnota wkoll li bosta esponenti politiċi fosthom il-Ministru tal-Edukazzjoni Evarist Bartolo, kif ukoll il-Membru Parlamentari elett mit-Tieni Distrett, Glenn Bedingfield, diġà enfasizzaw li din l-espansjoni mhijiex meħtieġa u se jkollha effetti negattivi fuq il-komunità tal-Kottonera.
Fid-dawl ta’ tant oppożizzjoni – inkluża dik ta’ mijiet ta’ residenti u anke ta’ membri mit-tliet Kunsilli Lokali – ma hemm ebda raġuni għalfejn il-Bord tal-Awtorità tal-Ippjanar għandu jagħti l-approvazzjoni tiegħu għal dan il-proġett, u wisq inqas jerġa’ jagħti aktar żmien lill-AUM ladarba din ma ppreżentat ebda pjanti ġodda wara li qabżet l-iskadenza mogħtija fis-seduta li għaddiet.
Il-proġett propost se jċaħħad lill-komunità minn post fejn ir-residenti jinġabru filgħaxijiet għal ftit arja, kif ukoll żona ta’ parkeġġ, u se jgħatti wkoll is-swar storiċi li jikkaratterizzaw iż-żona kollha tal-Kottonera. Hija tassew ironija kerha li t-Tlett Ibliet, li tant batew fis-snin tat-Tieni Gwerra Dinjija, għandhom jitilfu parti mill-wirt storiku tagħhom – u tifkira tal-qlubija ta’ nieshom – minħabba dik li hija spekulazzjoni għall-finijiet ta’ proprjetà, ladarba jidher ċar li l-proġett tal-AUM huwa fallut u mhux jiġbed lejh l-istudenti “mid-dinja kollha” kif kien imwiegħed fl-2015.
Inħossu li jekk il-PA tagħti l-approvazzjoni tagħha għall-estensjoni tkun qed tippermetti inġustizzja kbira fil-konfront tar-residenti, u għaldaqstant inwiegħdu lir-residenti li anke jekk tintilef din l-ewwel battalja, se nibqgħu naħdmu u nikkollaboraw magħhom b’kull mod possibbli sabiex dan il-mostru ma jarax id-dawl.
//= $special ?>