Il-militanti Palestinjani fil-Medda ta’ Gaza sparaw ir-rokits lejn Iżrael, sigħat wara li daħal fis-seħħ ftehim għal waqfien mill-ġlied. Il-ftehim ikkonkluda jumejn ta’ ġlied intensiv fejn il-militanti Palestinjani sparaw mijiet ta’ missili lejn Iżrael, bl-ajruplani tal-gwerra Iżraeljani jmexxu mewġa wara l-oħra ta’ attakki fuq iz-zoni f’Gaza.
Għalkemm Iżrael ma kkonfermax il-ftehim pubblikament, il-Ministru Iżraeljan għall-Affarijiet Barranin, Israel Katz, qal li ‘il-kwiet għandu jipproduċi aktar kwiet’. Madankollu Katz qal li hu żgur li Iżrael jattakka lill-elementi li jippruvaw jagħmlulu l-ħsara, sewwa jekk ġejjin minn Gaza u sewwa jekk l-aggressjoni tasal minn bnadi oħra.
Ftit sigħat wara li daħal fis-seħħ il-waqfien mill-ġlied, kienu sparati ħames rokits minn Gaza lejn Iżrael – bi tnejn minnhom ikunu interċettati mis-sistema tad-difiża (Iron Dome) Iżraeljana. Ma seħħew l-ebda mejtin jew ħsarat b’konsegwenza tal-isparatura.
Madankollu, rapporti oħra rreferew għall-qtil ta’ ‘familja ta’ tmienja’ f’Gaza, bl-Iżraeljani jgħidu li kienu qegħdin imexxu attakk fuq ‘militanti’ fl-inħawi.
L-eskalazzjoni tal-ġlied seħħet nhar it-Tlieta, mal-qtil ta’ Kap tal-grupp militanti Ġiħad Iżlamiku u martu waqt offensiva mill-qawwiet tal-ajru Iżraeljani fuq Gaza. Ingħad li l-militanti maqtul, Baha Abu al-Ata, kien responsabbli għall-parti kbira tal-attakki tal-aħħar sena minn Gaza fuq l-Iżraeljani.
Fl-aħħar ġlied kienu nqatlu 34 Palestinjan (l-aktar militanti) waqt li ‘il fuq minn 60 Iżraeljan kienu jeħtieġu t-trattament mediku wara l-bumbardamenti min-naħa ta’ Gaza.
Intant, kelliema għall-Ġiħad Iżlamiku qalu li l-grupp kien qabel dwar waqfien mill-ġlied sponsorjat mill-Eġittu ‘wara li Iżrael kien imġiegħel jaċċetta l-kundizzjonijiet imposti mir-reżistenza Palestinjana’.
//= $special ?>