Teżisti dejjem aktar il-ħtieġa li jkun hawn sostenibbiltà fl-iżvilupp waqt li nħarsu ekonomija li tikber, mhux b’detriment għall-ambjent ta’ madwarna.
Dan huwa dak li ħareġ minn Forum dwar is-sostenibbiltà li kien organizzat f’pajjiżna matul il-jum tal-Ħamis.
Tul l-istess Forum kien hemm preżenti wkoll il-President ta’ Malta George Vella fejn qal li din it-tema hija kruċjali fil-perjodu li qed nghixu fih. Hu qal li huwa importanti li l-industrija tal-iżvilupp tħares l-interessi tagħha, iżda ghandha tħares wkoll lill-ambjent Malti u ma tagħmilx ħsara.
Mill-forum ħareġ li d-dinja qed tirrikonoxxi l-problema globali dwar it-tibdil fil-klima u li jkollna enerġija sostenibbli waqt li jkun hawn ħarsien soċjali, ekonomiku u ambjentali.
Il-parteċipazzjoni ta’ Malta fil-kuntest ta’ enerġija sostenibbli wkoll ġie diskuss. Issemmew numru ta’ problemi li f’Malta qed insibu quddiem wiċċna, fosthom il-problema tat-traffiku, l-arja ħażina, u l-problema ta’ influss ta’ persuni minn barra. Sfidi li qed ikunu ta’ piż kbir u li rridu nagħmlu minn kollox biex nagħmluhom sostenibbli.
Intant il-messaġġ aħħari kien li l-iżvilupp fl-ekonomija għandu jkun sostenibbli, li s-sostenibbiltà hija għal kulħadd, u li kulħadd se jgawdi minnha Huwa lejn dan l-għan li bħala pajjiż irridu nħarsu.
