Lokali

Il-Kabinett Laburista maqsum dwar Keith Schembri

L-iskandlu 17 Black u l-biza’ ta’ Keith Schembri biex iwieġeb id-domandi fil-Qorti qajmu furur sħiħ f’Kastilja; ħafna backbanchers jinsabu urtati għall-mod kif qed jaġixxi l-Prim Ministru, membri tal-Kabinett ma jaqblux fuq l-istrateġija li qed tintuża, u oħrajn frustrati għaliex dan kollox tellef mhux ftit il-ġirja li diġà bdiet għal-leadership tal-Partit Laburista.

Anki mal-ġurnalisti ta’ din il-kamra tal-aħbarjiet kienet evidenti din il-qasma li bdiet tinħass; Ministri li apertament MHUX jiddefendu lil Keith Schembri, Deputati jaħarbu, u oħrajn li qed jibqgħu joħorġu għonqhom għaċ-Chief of Staff ta’ Joseph Muscat.

Chris Cardona jaqbeż għal Keith Schembri

Naħseb ili l-Prim Ministru kien ċar, dwar dak li qal Keith Schembri u l-libell li waqa’… naqbel miegħu perfettament – Chris Cardona

U minkejja li Schembri fil-Qorti beża’ jwieġeb id-domandi dwar il-kumpanija sigrieta 17 Black, skont Chris Cardona, iċ-Chief of Staff tal-Prim Ministru mhuwiex qiegħed jinħeba.

Mhu qed jaħbi xejn… waqqa’ l-libell – Chris Cardona

Silvio Schembri jaħrab milli jwieġeb

L-istess domandi saqsejnihom lis-Segretarju Parlamentari Silvio Schembri, iżda dan, meta pressat, ħarab biex ma jweġibx.

José Herrera jgħid li Keith Schembri għandu jaġixxi skont l-inkjesti

Differenti r-reazzjoni tal-Ministru José Herrera, illi mhux talli mhux jiddefendi lil Keith Schembri talli qed jinsisti li hu għandu jaġixxi skont l-inkjesti.

Mhux qed niddefendih, qed ngħid stat ta’ fatt, nispera li jkun hemm il-konklużjonijiet fix-xhur li ġejjin… u naturalment nippretendi li Keith Schembri għandu jaġixxi skont ir-riżultati ta’ dawk l-inkjesti – José Herrera

Il-Ministru tal-Ambjent l-anqas ried imiss mat-tema tal-libell li waqqa’ Schembri; jiġifieri l-mument meta hu fil-Qorti ħarab milli jwieġeb id-domandi taħt ġurament.

Bħala kwistjoni ta’ libell dik hija kwistjoni privata tiegħu… saqsu lilu mhux lili – José Herrera

Keith Schembri hu msemmi f’email li jindikaw ċar li kien se jirċievi fondi minn 17 Black u Mc Bridge, u li minkejja d-diversi opportunitajiet li kellu, qatt ma ta spjega dwar dawn il-fatti inkwetanti, aktar w’aktar meta wieħed iqis il-pożizzjoni pubblika tiegħu.