Il-problemi kbar li nħolqu fl-ambjent huma kawża tal-mod kif ġew imqassma d-dekasteri mill-Prim Ministru Joseph Muscat, b’bosta Ministeri oħra qed jgħakksu l-ħidma tal-Ministeru tal-Ambjent.
Il-Viċi Kap għall-Affarijiet tal-Partit, David Agius fuq il-programm Dissett tal-Erbgħa filgħaxija spjega li l-Ministeru tal-Ambjent tħalla waħdu mingħajr riżorsi meta Ministeri bħal tal-Infrastruttura ta’ Ian Borg, għandu ħafna riżorsi vvutati għalih u li qed jintużaw għas-skapitu tal-ambjent:
“Il-Ministru Ian Borg qed iżommu lura fit-traffiku, il-Prim Ministru qed iżommu lura billi ma jtihx flus u fil-baġit jgħid li Jose Herrera biex jagħmel geopark u dan ma jistax iseħħ.”
Is-saħħa kbira li għandu Ian Borg tidher ċar bl-aġenziji u awtoritajiet li għandu taħtu:
“U Jose Herrera ma jista’ jagħmel xejn dwar dan għax mhux hu l-Ministru. Is-super ministru b’saħħtu, Ian Borg, għandu taħtu l-Awtoritajiet tal-Ippjanar u l-Artijiet kif ukoll it-toroq kollha ta’ pajjiżna. Qiegħed jgħaddi bl-addoċċ minn fuq in-nies, il-bdiewa u r-raħħala tagħna, bħal dawn f’Ħ’Attard bil-proġett tas-Central Link. Imbagħad għandek il-Ministru Jose Herrera, ħeqq, irid jieħu ħsieb l-ambjent miskin.”
David Agius innota li hu evidenti li wara 7 snin ta’ Gvern Laburista, dan qiegħed jagħti prijorità lil kollox għajr l-ambjent, u elenka kif it-tqaċċit tas-siġar, it-twessiegħ tat-toroq ġor-raba’, il-kostruzzjoni bla rażan u żieda allarmanti tal-karozzi fit-toroq saru l-prijoritajiet ta’ kuljum ta’ dan il-Gvern għad-detriment tal-ġenerazzjonijiet tal-lum u t’għada. Xhieda ta’ dan huwa l-iżvilupp approvat fuq art ODŻ fil-Qala’ u t-twessiegħ illegali ta’ triq f’Wied Qirda
Fakkar kif il-Partit Nazzjonalista fl-Oppożizzjoni qed iressaq minn issa l-proposti tiegħu favur l-ambjent permezz tal-Pre-Budget Document li l-Gvern qiegħed jinjora għal kollox biex jeqred l-ambjent. Kienet mozzjoni mressqa mill-Oppożizzjoni Nazzjonalista li waslet biex ġiet ddikkjarata stat ta’ emerġenza tal-klima.
“Id-differenza f’pajjiżna il-Gvern jagħmilha billi jadotta numru ta’ miżuri, kif proponejna f’din il-mozzjoni, fil-qasam tat-traffiku u tal-arja nadifa.”
Fl-istess ħin irrikonoxxa kif il-Gvern, b’dahru mal-ħajt, qed ikollu jdur għall-proposti tal-Partit Nazzjonalista, bħall-mezzi ta’ trasport alternattiv, fosthom l-użu tal-metro, li sa sentejn ilu kien jirredikolaha għaliex l-istrateġija eżistenti ta’ żieda ta’ 30 karozza kuljum qed issakkar il-pajjiż kollu.
//= $special ?>