“Il-Kunsilliera Lokali tal-Partit Nazzjonalista għandhom ikunu ta’ servizz għar-residenti tal-lokalitajiet li jirrapreżentaw”. Dan qalu Clyde Puli waqt l-ewwel minn serje ta’ laqgħat illi qed ikollu mall-kunsilliera lokali tal-PN.
Huwa qal li jekk verament nemmnu li l-Kunsilli Lokali huma awtorità lokali, mhux biss għandna nagħtuhom it-titlu iżda nipprattikaw dan il-kunċett. Huwa rrefera għal diversi każijiet fejn il-Gvern preżenti naqas bil-goff fil-konfront tal-Kunsilli Lokali u dan jikkuntrasta bil-kbir mal-istampa li jipprova jagħti l-istess Gvern. Fost dawn huwa saħaq fuq l-isfreġji ambjenti li qed isir fl-ibliet u l-irħula tagħna f’isem il-progress.
Fl-istess laqgħa s-Sindki, l-Viċi Sindki u l-Kunsillieri preżenti kellhom iċ-ċans sabiex jesprimu ruħhom bl-iktar mod liberu dwar id-diffikultajiet li qed iħabbtu wiċċhom magħhom il-Kunsilli Lokali speċjalment fl-indħil tal-Gvern, xogħlijiet li jsiru fil-lokalità mingħajr ebda konsultazzjoni, teħid ta’ responsabbiltajiet minn idejn il-Kunsilli Lokali bħal fost l-oħrajn il-gwardjani lokali u t-toroq kif ukoll diffikultajiet finanzjarji, fejn uħud mill-Kunsilli Lokali spiċċaw li lanqas jistgħu jaqdu d-doveri tagħhom għaliex mhux jingħataw flus biżżejjed filwaqt li l-ispejjes jibqgħu jikbru minn sena għall-oħra.
Waqt il-laqgħa kien preżenti ukoll Charles Bonello, il-President tal-Kulleġġ Kunsilliera Lokali tal-PN.
//= $special ?>