Lokali

Jeħtieġ aktar għarfien u ħidma bil-fatti għal kontroll aħjar tad-dijabete – PN

L-14 ta’ Novembru huwa l-Jum Dinji kontra d-Dijabete u t-tema magħżula mill-Għaqda Dinija għas-Saħħa, id-WHO, hija l-Familja u d-Dijabete. L-attenzjoni hija fuq kif il-familja kollha tiġi affetwata meta membru jkollu d-dijabete u l-importanza tal-familja bħala sapport għal min għandu d-dijabete. 

Permezz ta’ stqarrija l-Kelliem tal-Oppożizzjoni dwar is-Saħħa Mentali, d-Dimensja, l-Kura fil-Komunità, d-Dijabete u d-Drittijiet tal-Annimali Mario Galea, u Claudette Buttigieg il-membru tal-Kumitat Parlamentari Grupp ta’ Ħidma dwar id-Dijabete qalu li f’Malta bħalissa hawn 31,709 persuni li għandhom id-dijabete, u li huma fuq il-karta s-safra.  Aktar minn 30,000 minnhom huma Type 2, li minnhom aktar minn 4,500 jieħdu l-kura permezz tal-insulina. Ftit aktar minn 1,600 huma Type 1. Dawn in-numri huma inkwetanti għaliex huma biss parti mill-istampa vera tad-dijabete f’pajjiżna.

Dawn huma biss il-pazjenti rreġistrati. Hemm oħrajn li huma fuq il-kartuna r-roża u hemm ukoll dawk li għadhom ma jagħfux li għandhom id-dijabete. Iżda wara kull numru hemm persuni u l-familji tagħhom, li jaffaċċjaw realtà mhux faċli, li tikkomplika ruħha meta l-kura ma tkunx ikkontrollata kif mixtieq u l-kundizzjoni ma’ tkunx ikkontrollata. Bosta huma dawk il-familji li qed ibatu propju għaliex minħabba d-dijabete issa qed jaffaċċjaw diversi kumplikazzjonijiet. Il-pazjenti bid-dijabete u l-familji tagħhom għandhom bżonnijiet urgenti li l-Gvern irid jindirizza mill-aktar fis possibli.

Fost dawn il-bżonnijiet insibu l-Constant Glucose Monitors (CGM) għal min qed jieħu l-insulina, l-assistenza medika permezz ta’ professjonisti fl-iskejjel u l-introduzzjoni ta’ numru ta’ mediċini ġodda u aktar avvanzati. Il-Partit Nazzjonalista jsellem lil kull min jaħdem f’dan is-settur fejn ukoll hemm nuqqas ta’ nies speċjalizzati u għaldaqstant il-ħidma qed taqa’ fuq il-ftit.

Il-Partit Nazzjonalista jistenna li f’dawn il-ġranet il-Gvern juri bil-fatti l-ħidma f’dan is-settur, meta hawn persentaġġ għoli ta’ persuni (u l-familji tagħhom) li qegħdin jgħixu b’kundizzjoni li titlob minnhom ħafna sagrifiċċji u impenn kontinwu, l-Gvern għandu joffri l-aqwa possibiltajiet biex il-kontroll tad-dijabete jkun aħjar u jitnaqqsu l-kumplikazzjonijiet.