Futbol Sport

Jekk tiġi l-opportunità li nkun qiegħed f’livell aħjar, nerġa’ mmur barra minn Malta – Myles Beerman

Stewart Said

Myles Beerman, iż-żagħżugħ li għalkemm għad għandu 20 sena, diġà esperjenza l-futbol professjonali barra pajjiżna. Vjaġġ ta’ tifel li beda ma’ Mosta u Floriana u kellu l-opportunità li jsir żagħżugħ ma’ Manchester City fl-Ingilterra kif ukoll Rangers u Queen of the South fl-Iskozja. Mill-istaġun li għadda reġa’ rritorna fil-kampjonat lokali u f’dan l-istaġun jinsab ma’ Hibernians.

Beerman hu grat mill-mixja li għadda barra minn pajjiżna għaliex esperjenza l-futbol professjonali. “Hija ħolma għal kull tifel biex jilgħab u jipprova jasal ‘l fuq. Kienet esperjenza sabiħa, kont għadni żgħir, kelli s-sapport tal-familja kollha u meta ġietni l-opportunità ħadtha.” Beerman għex waħdu minn meta kellu 16-il sena u ammetta li għal bidu kienet diffiċli ħafna iżda kompla li sakemm persuna jadatta u jibda jgħix aktar indipendenti.

“Jiena ninkoraġġixxi kull tifel li għandu ambizzjonijiet li jilgħab barra. Mhix impossibbli, hi diffiċli, trid tagħmel ħafna sagrifiċċji u meta taqbad rutina tiġi norma fil-ħajja. Jien għaddejt minn affarijiet u ma tkunx taf x’se jiġri fil-futbol. Telefonata tista’ tibdillek kollox.”

L-esperjenza ma’ Manchester City

Beerman ħalla pajjiżna ta’ 12-il sena u għal erba’ snin għex ħajja professjonali minkejja li kien għadu żgħir. Ma’ Manchester City dar ħafna mid-dinja magħhom hekk kif lagħab f’diversi tournaments u magħhom rebaħ ukoll il-Youth Premier League u l-FA Cup. Hu kellu kliem ta’ tifħir għalihom u jlaqqam l-istruttura tal-klabb u l-livell tal-kowċis tagħhom bħala eċċellenti. Beerman ddeskriva l-ħajja tiegħu f’dak iż-żmien hekk kif bejn id-9.00am u nofsinhar kien ikun l-iskola u sa filgħaxija kien ikun il-klabb. Hemm kien ikollhom l-ikel misjur u anki l-iskola kien ikollhom il-kokijiet magħhom.

Beerman jiddeskrivi kif iċċaqlaq minn ma’ Manchester City għal ma’ Rangers. “Konna bdejna pre-season ma’ Manchester City fil-Kroazja u kont sejjer tajjeb. L-aħħar ġurnata kont hawn man-nazzjonal u fl-aħħar ġurnata tas-suq tat-trasferimenti kelli nitkellem mal-familja, niddeċiedi waħdi, niffirmaw il-karti kollha u jgħaddi kollox.” Hu esprima li jkun hemm involuti ħafna karti, proċessi u telefonati u jkun hemm għajnuna minn klabb għal ieħor.

(Ritratt: SNS Group)

Beerman fl-Iskozja

Il-mixja tiegħu lejn l-Iskozja kien mument ieħor importanti fil-karriera ta’ Beerman. L-esperjenza kollha jqisha bħala sabiħa iżda ma kienx kollox ward u zahar għalih. “Naħseb kienet waħda mill-aktar fażijiet fejn kienet naqra diffiċli għalija għax kont għadni kif kelli marda u kont qiegħed ħażin fiżikament imbagħad wara li rkuprajt u erġajt ġejt f’sikkti, ksirt saqajja u kull ma kelli 16-il sena.”

“Meta kelli l-marda bdejt ngħix waħdi jiġifieri x’ħin bdejt ngħix waħdi l-affarijiet bdew jiġru hekk u għamilt staġun barra. Mhix faċli tkun waħdek u tgħaddi minn dawn l-affarijiet.” Fl-Iskozja hu ngħaqad ma’ Rangers u fl-età ta’ 18-il sena, lagħab tmien logħbiet li tnejn minnhom kienu kontra Celtic. “Kienet esperjenza pjuttost dejjem ħa nżommha ma’ qalbi u waħda mill-aħjar esperjenzi li qatt għaddejt minnhom f’ħajti. Tisma’ dak il-briju, dak l-ambjent f’derby daqshekk kbir.”

F’Jannar tas-sena l-oħra, Beerman ingħaqad b’self ma’ Queen of the South sal-kumplament tal-istaġun. Hu tkellem dwar din l-esperjenza fejn qal li l-futbol jinbidel fi ftit ħin speċjalment barra minn Malta. Iż-żagħżugħ kompla jgħid li f’dak il-perjodu kienu nbidlu l-kowċ u kważi l-plejers kollha. Għalhekk kellu jibda esperjenza ġdida, b’Myles Beerman jiddeskrivi li jkun hemm ambjent differenti li plejer irid jadatta għaliex barra minn Malta mhux kollox sempliċi iżda jkunu bla ħniena.

(Ritratt: Trevor Sollars)

Ir-ritorn f’pajjiżna

Ħafna staqsew għaliex Myles Beerman irritorna f’pajjiżna. Staqsejt lid-difensur fuq dan il-fatt. “Kont għaddej minn perjodu diffiċli, affarijiet li ma nistax naqsam mal-pubbliku. Naraha bħala parti mill-karriera tiegħi imma fejn nista’ nispiċċa fti ftit snin ma nafx.” Fl-istaġun li għadda, Beerman irritorna f’pajjiżna meta ngħaqad b’self ma’ Birkirkara mingħand Rangers. Iż-żagħżugħ xellugi naqas li jsib post regolari fit-tim u kien involut fi tmien logħbiet fil-kampjonat u darba fl-FA Trophy, b’waħda biss li biha beda mill-bidu.

L-esperjenza tiegħu ma’ Birkirkara ntemmet f’Jannar iżda Beerman xorta baqa’ f’pajjiżna hekk kif issieħeb lil Gżira United b’self ukoll sa tmiem l-istaġun. Għalkemm lagħab għaxar logħbiet bejn kampjonat u FA Trophy u lagħab aktar minuti, Beerman ma nżammx mill-Maroons. Iż-żewġ esperjenzi kienu qosra, bil-plejer Malti jesprimi li kien għaddej minn perjodi fejn ma kienx qed iħossu komdu f’ċertu ċirkostanzi u saħaq li jkun hemm affarijiet li jkun hemm ħafna aktar aspetti wara ċertu deċiżjonijiet.”

F’dan l-istaġun, Beerman ingħaqad ma’ Hibernians b’kuntratt ta’ tliet snin ma’ Hibernians. Sa issa kien involut f’sitt logħbiet għalkemm qatt ma beda mill-bidu. Mistoqsi għaliex għażel lil dan il-klabb, Beerman wieġeb li “għalija Hibs huma klabb kbir ġo Malta. Urew ħafna interess fija u naf ħafna mill-plejers u l-kumitat. Inħossni komdu hawnhekk.”

Il-preżent ta’ Beerman huma f’pajjiżna mal-Pawlisti, iżda l-plejer xellugi qed iħares li jerġa’ jkollu esperjenza barra minn Malta? “Jekk niġi f’punt f’ħajti fejn ħa nkun qiegħed f’livell aħjar u ħa nkun qed nilgħab f’kampjonat aktar magħruf, tiġi l-opportunità ngħid iva ħa mmur, 100%.

(Ritratt: Joe Borg)

Beerman u t-timijiet nazzjonali

L-akbar esperjenza ta’ Myles Beerman mat-timijiet nazzjonali għandha titqies li hi l-parteċipazzjoni fil-Kampjonat Ewropew ta’ taħt is-17-il sena li kien sar f’pajjiżna fl-2014. F’dik l-iskwadra, Beerman kien l-iżgħar fl-iskwadra mmexxija minn Sergio Soldano u lagħab kontra l-Ingilterra u t-Turkija filwaqt li ma kienx lagħab kontra l-Olanda.

“Kull esperjenza li tgħaddi minnhom, tipprova tieħu kemm tista’ u hemm lagħbna kontra timijiet ta’ kwalità. Kienet esperjenza li kull ħaġa li għaddejt minnha, nipprova nitfaha fil-ktieb tiegħi u nitgħallem minnha.”

Mat-tim ta’ taħt il-21 sena mmexxi minn Silvio Vella. Hu lagħab l-ewwel logħba fit-2 ta’ Settembru tal-2016 fit-telfa ta’ 3-2 li Malta kellha kontra l-Belġju. Sal-lum hu kien involut fil-maġġoranza tal-logħbiet u dan il-grupp ta’ kwalifikazzjoni li beda f’Settembru, hu t-tielet wieħed għalih.

Mat-tim nazzjonali, Beerman lagħab sa issa ħames logħbiet. Hu għamel id-debutt taħt it-tmexxija ta’ Pietro Ghedin fis-27 ta’ Marzu tal-2017 f’partita ta’ ħbiberija li Malta rebħet kontra l-Ukrajna. Beerman lagħab ukoll fl-2018 taħt il-kowċ Tom Saintfiet fil-partiti ta’ ħbiberija kontra l-Lussemburgu, il-Finlandja, l-Armenja u Georgia, bl-aħħar dehra tiegħu tkun fl-1 ta’ Ġunju.