Lokali

“Kollass istituzzjonalizzat” – Adrian Delia

Xi darba f’Malta kellna separazzjoni tal-poter u sistema effettiva li tiddefenixxi dak li hu tajjeb u dak li hu ħażin. Iżda dan m’għadux il-każ. L-istituzzjonijiet f’pajjizna qed jikkrollaw.

Kien dan il-ħsieb tal-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia fit-Talking Point ippubblikat illum fil-ġurnal Times of Malta….fejn sostna li l-poter illum il-ġurnata huwa kkonċentrat f’idejn il-Prim Ministru Joseph Muscat li b’mod manipulattiv qed jassumi l-kontroll tal-istituzzjonijiet kollha. Ħaġa li qed tiġi innutata minn għadd kbir ta’ esperti barranin… inkluż f’rapporti bħal dawk tal-GRECO u l-Kummissjoni Venezja.

Adrian Delia insista li l-Oppożizzjoni mhux se tkun parteċipi miż-żarmar sistematiku tal-kredenzjali demokratiċi tal-pajjiż. Hu qal li l-Oppożizzjoni mhux se tieħu sehem f’logħba li fiha jibbenefikaw biss il-ftit tal-qalba, fejn ma jkunx imħares l-interess nazzjonali.

Kien għalhekk li l-ġimgħa l-oħra ż-żewġ Deputati tal-Oppożizzjoni Marthese Portelli u Ryan Callus irreżenjaw mill-Awtorità tal-Ippjanar  u mill-bord tal-Awtorità tal-Artijiet.

Adrian Delia fakkar kif f’pożizzjonijiet eżekuttivi fis-settur pubbliku, il-Gvern ħa ħsieb li jpoġġi nies li jafda, sabiex jobdu l-ordnijiet min-naħa tal-Gvern. Bħal fil-każ tal-Kummissarju tal-Pulizija li jaġixxi biss meta jingħata struzzjonijiet minn Kastilja ….u każijiet ċari ta’ korruzzjoni ma ġewx investigati minħabba li, dawk  involuti kienu nies viċin il-Gvern. Dan filwaqt li 16 mis-17-il persuna appuntanti fil-ġudikatura huma kollha nies qrib il-Partit Laburista.

Bil-Korp tal-Pulizija, bl-Avukat Ġenerali u l-Qrati maħkuma mill-Gvern… sostna l-Kap tal-PN…dawk fil-poter huma dejjem aġevolati.Adrian Delia qal li pajjiżna spiċċa reġa’ qed jiġġieled għall-Indipendenza… din id-darba mhux minn gvern kolonjali iżda minn Gvern li ħataf l-istituzzjonijiet taħt idejh.