Nhar is-Sibt 16 ta’ Novembru, il-Banda 12th May ta’ Ħaż-Żebbuġ se tippreżenta l-kunċert, ‘Ħuġġieġa’, fl-Awditorju tal-Università ta’ Malta fis-7.30pm taħt id-direzzjoni tas-Surmast Direttur, Hermann Farrugia Frantz.
Waqt il-kunċert, se jiġu esegwiti erba’ kompożizzjonijiet mużikali oriġinali miktubin apposta għall-banda minn erba’ kompożituri kontemporanji Maltin, li humaEuchar Gravina, Albert Garzia, Veronique Vella u Alex Vella Gregory. B’hekk, se jitressqu erba’ kompożituri abbli Maltin, li minkejja sa issa ftit li xejn ingħataw l-opportunità li jikkontribwixxu għall-banda Maltija, se jgħollu l-livell tal-mużika bandistika kif ukoll joffru sfidi ġodda għall-baned tagħna.
L-ispirazzjoni ta’ dawn il-kompożizzjonijiet hu n-nar fis-sens ħolostiku tiegħu: in-nar li jsaħħan, li jeqred, li jirrapreżenta l-ħeġġa, l-imħabba, kif ukoll in-nar li nilagħbu bih fil-piroteknika. Minbarra l-kompożituri, il-mużiċisti u l-vuċijiet, dan il-proġett se jiġbor fih lil Sebastian Saliba (librettista), Pawlu Mizzi (direttur artistiku), kif ukoll lil Gerald Agius Ordway (l-artist ta’ preżentazzjonijiet viżwali).
Minbarra dan il-kunċert, il-proġett organizza workshops mal-istudenti tal-mużika tal-Malta School of Music, il-Junior College, l-MCAST u l-Università, fejn il-kompożituri ħadmu mal-istudenti fuq il-kompożizzjoni għall-banda sinfonika u fuq il-kunċett tal-Ħuġġieġa.
L-idea wara dan il-proġett hi b’saħħitha u effettiva bil-mod ta’ kif tgħaqqad il-qafas u l-idjoma tal-banda mal-bixriet aktar esperimentali tal-kompożizzjoni permezz tal-metafora tan-nar.
Il-biljetti jistgħu jinkisbu minn fuq il-website showshappening.com jew mill-Każin tat-12th May & Social Club fi Triq Sciortino, Ħaż-Żebbuġ.
Il-Ġimgħa 15 ta’ Novembru, i-programm ‘Meander’ fuq NET Television se joffri rappurtaġġ estensiv dwar dan il-proġett.
//= $special ?>