Għawdex Lokali Saħħa

Kważi $600m f’telf għal Steward Healthcare f’sentejn

Il-Gvern Malti din is-sena kompla jżid il-flus li jagħti lil Steward f'pajjiżna

Minkejja li s-sena li għaddiet il-kumpanija Amerikana Steward Healthcare irreġistrat profitti enormi li laħqu s-$6.6 biljun, ta’ Steward xorta kollhom telf ta’ $270 miljun. Dan wara li s-sena ta’ qabel huma rreġistraw telf ta’ $322 miljun, biex b’hekk fuq sentejn it-telf ta’ Steward Healthcare laħħaq kważi s-$600 miljun.

Il-ġurnal Amerikan The Boston Globe, li qed jiġi kwotat f’pajjiżna mill-gazzetta The Malta Business Weekly, juri biċ-ċar kif Steward fl-aħħar sentejn akwistaw sptarijiet li kienu jirrikjedu ħafna investiment u spejjes operattivi kbar.

Steward topera total ta’ 37 sptar, u apparti l-isptarijiet li għandhom fl-Amerika l-unika investiment li għamlu barra l-Istati Uniti kien biss f’Malta.

L-isem ta’ Steward Healthcare hu wieħed relattivment ġdid għall-industrija, bil-bidu tagħhom ikun fl-2010.

U issa anke f’pajjiżna qed iqumu dubji dwar Steward, b’numru ta’ tobba jgħidu li diġa’ jridu jdabbru rashom minn Malta. Kemm ilhom li ħadu l-isptarijiet mingħand Vitals, sa issa Steward m’għamlu l-ebda investiment maġġuri għajr għall-binja żgħira ta’ Barts li inbniet biswit l-isptar ta’ Għawdex – binja li skont il-MAM ma ġietx tiswa’ aktar minn €5 miljuni.

Ħafna domandi li għadhom mhux imwieġba

Fil-Budget għas-sena d-dieħla, il-Gvern se jkun qed joħroġ mal-€50 miljun lil Steward Healthcare, bid-domanda tibqa’…fejn qed imorru dawn il-flus? Mhux hekk biss, iżda huwa ċar li minn sena għall-oħra l-allokazzjoni finanzjarja li Kastilja qed tagħti lil Steward, qed tiżdied b’€10 miljuni.

Il-Kap tal-PN Adrian Delia għadu jinsisti li l-Gvern jieħu lura l-isptarijiet li huma tan-nies. U anke hemm kawża pendenti l-Qorti li fetaħ Adrian Delia innifsu.