Lokali

Politika għall-ġid tan-nies – Adrian Delia

Il-politika tal-Partit Nazzjonalista qed tkun spot-on u l-messaġġ politiku tiegħu qed jinstema’ dejjem aktar min-nies, fosthom kif jista’ jipprepara malajr ħalli jkun l-alternattiva ċara tal-poplu.

Hekk iddikjara l-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia waqt li kien il-mistieden tal-programm Xtra, fuq ix-Xandir tal-Istat.

Adrian Delia tratta diversi suġġetti kurrenti, fosthom il-mod kif iċ-Chief of Staff tal-Prim Ministru Keith Schembri waqqa’ libell li fetaħ hu stess kontra d-Deputat Nazzjonalista Simon Busuttil.

Innota kif filwaqt li hu waqqa’ l-libelli kontra l-Ġurnalista maqtula Daphne Caruana Galizia għax dawn kienu se jispiċċaw f’ħoġor il-werrieta tagħha, Keith Schembri waqqa’ libell li kien fil-konfront ta’ Deputat attwali.

Barra minhekk, iċ-Chief of Staff ta’ Joseph Muscat għażel li jwaqqa’ l-libell għax sab ruħu dahru mal-ħajt. Dan juri li persuna daqstant qrib tal-Prim Ministru qed tagħżel li ma tkunx taħt l-iskrutinju tal-pubbliku.

Adrian Delia qal li wieħed kien jistenna li Keith Schembri jwarrab minn rajh ladarba d-diċenza hekk titlob. U issa li ma għamilx dan il-pass waħdu, hu naturali li wieħed idur lejn il-Prim Ministru u jitolbu jneħħih.

Fid-dawl tal-kritika fil-konfront tiegħu, il-Kap tal-Partit Nazzjonalista ddikjara li m’għandu l-ebda problema jkun taħt skrutinju, kemm għall-perjodu li ilu fil-politika, kif ukoll meta ma kienx.

Min-naħa tiegħu, Muscat qed jagħżel li ma jisseparax ir-responsabbiltà legali mar-responsabbiltà politika meta qed iġib l-iskuża li rtira l-libell minħabba Inkjesta separata li għaddejja. U filwaqt li meta kellu ċirkostanzi ma’ Manwel Mallia u Michael Falzon neħħihom minn Ministri, fil-każ ta’ Keith Schembri ma għamilx hekk, anzi qabeż għalih.

Dwar ir-riżenju ta’ Marthese Portelli u Ryan Callus mill-Bord ta’ żewġ awtoritajiet, Adrian Delia qal li dawn imxew skont il-ħsieb tal-Partit, li ma jservix ta’ paraventu għall-Gvern. Fil-fatt, il-Partit Nazzjonalista mhux se jħalli li dan jibqa’ jsir, b’referenza għall-isfreġju demokratiku li qed ngħixu fih illum.C

Adrian Delia kien mistoqsi dwar il-ħidma ma taqta’ xejn fi ħdan il-Partit Nazzjonalista biex jiġġieled il-korruzzjoni fi kwalunkwe forma tagħha. Dwar dan, hu faħħar l-impenn ta’ Deputati bħal Simon Busuttil u oħrajn, li qed jgħinuh fil-ħidma politika tiegħu biex jegħlbu l-qerq u l-korruzzjoni ta’ dan il-Gvern.

U għax għall-Partit Nazzjonalista, kulħadd għandu l-valur tiegħu, l-għaqal titlob li bħala Kap tal-Partit hu għandu juża’ t-talenti kollha ta’ kull wieħed u waħda minn dawk li jkollu madwaru.

Adrian Delia qal li ma jistax ikollok Gvern bi Prim Ministru Soċjalist iżda li jħalli lil dawk fil-klassi medja u fil-klassi l-baxxa mingħajr ma jgawdu mill-ġid ekonomiku.C

Mistoqsi dwar l-immigrazzjoni, il-Kap tal-Partit Nazzjonalista fakkar kif ħdan il-Partit Popolari Ewropew diġà ppreżenta għadd ta’ proposti għall-attenjzoni tal-mexxejja Ewropej, filwaqt li dwar ir-Rapport Hyzler iddikjara l-pożizzjoni tiegħu favur is-suġġeriment tar-Rapport – jiġifieri li l-Backbenchers tal-Gvern m’għandhomx ikollhom karigi fiċ-Ċivil.