Lokali

Raġel fil-periklu tal-mewt wara li waqa’ tliet sulari

Raġel ta’ 43 sena minn San Pawl il-Baħar qiegħed isofri minn ġrieħi serji wara li waqa’ minn għoli f’San Pawl il-Baħar. L-inċident seħħ għall-ħabta tal-għaxra u kwart fi Triq San Ġorġ.

Jirriżulta li r-raġel waqa’ madwar tliet sulari għoli minn gallarija ta’ residenza. Dan hekk kif jidher li r-raġel issakkar barra d-dar tiegħu, daħal fil-komun u baqa’ tiela’ fuq il-bejt fejn minn hemm prova jaqbeż minn gallarija għall-oħra iżda spiċċa waqa’ għal isfel.

Il-vittma kien assistit minn tim mediku fuq il-post u ttieħed l-Isptar Mater Dei permezz ta’ ambulanza. fejn aktar tard kien iċċertifikat li jinsab fil-periklu tal-mewt.

Bil-każ ġiet infurmata l-Maġistrat tal-Għassa Marse-Ann Farrugia, fejn ħatret diversi esperti sabiex jassistuha fl-inkjesta li ġiet appuntata. L-investigazzjonijiet tal-Pulizija għadhom għaddejjin.