Internazzjonali

Renju Unit: Il-Britanniċi mħeġġa biex ‘ma jaqtgħux qalbhom’ fl-impenji kontra l-Brexit

Il-President tal-Kunsill Ewropew, Donald Tusk, ħeġġeġ biex ‘ma jaqtgħux qalbhom’ il-Britanniċi li ma jridux li r-Renju Unit jispiċċa minn membru tal-Unjoni Ewropa. Fl-istess ħin, Tusk wissa li r-Renju Unit ikun meqjus bħala ‘sempliċi pajjiż ta’ importanza sekondarja’ ladarba jikkonkludi l-Brexit.

Donald Tusk, eks Prim Ministru Pollakk li se jispiċċa dalwaqt mill-kariga attwali fl-UE, qal ukoll li r-Renju Unit, wara l-Brexit, għandu jispiċċa bħala ‘Stat mingħajr affiljazzjoni ma’ grupp partikulari’.

Hu, intant, kompla – waqt diskors fil-Kulleġġ tal-Ewropa, fi Brussell — li l-konklużjoni tal-Brexit għandha titqies bħala ‘il-veru tmiem tal-Imperu Britanniku’ u li r-Renju Unit, wara t-tluq mill-Unjoni, għandu jispiċċa jitlef l-influwenza tiegħu fl-affarijiet internazzjonali.

Donald Tusk irrefera għall-elezzjoni ġenerali li se ssir fir-Renju Unit fit-12 ta’ Diċembru u sostna li ‘l-affarijiet isiru irriversibbli biss ladarba n-nies jibdew jemmnu li dan hu l-każ’. Għaldaqstant, hu insista biex dawn in-nies li ma jemmnux fil-Brexit ‘jibqgħu jistinkaw biex il-Brexit ma jiżvolġix fir-realtà’.

Il-partiti Britanniċi fl-Oppożizzjoni – il-Liberali Demokratiċi u l-Laburisti – wiegħdu biex jappoġġjaw tieni referendum dwar l-isħubija tar-Renju Unit fl-Unjoni, f’każ li, fl-elezzjoni tax-xahar id-dieħel, jirnexxilhom jiċħdu lill-Konservattivi (fil-Gvern) tal-Prim Ministru Boris Johnson minn maġġoranza.

Donald Tusk tenna li huma żbaljati l-attivisti favur il-Brexit li jemmnu li t-tluq mill-UE għandu ‘jistimola għall-aħjar’ lir-Renju Unit, għaliex ‘ir-realtà tinvolvi l-oppost ta’ dak li huma qegħdin jaħsbu’. Hu tenna li r-Renju Unit jista’ biss jaqdi rwol globali bħala parti mill-Unjoni Ewropea u li b’hekk, l-Unjoni Ewropea, bħala entità magħquda, tkun tista’ tikkonfronta l-akbar poteri ta’ din id-dinja ‘mingħajr kumplikazzjonijiet’.

Donald Tusk se jispiċċa minn President tal-Kunsill Ewropew fl-Ewwel ta’ Diċembru, bis-suċċessur tiegħu fil-kariga se jkun l-eks Prim Ministru tal-Belġju, Charles Michel.