Ambjent Lokali Saħħa

Skema li qed taqla’ ħafna kritika

Fl-aħħar jiem, il-Gvern nieda skema fejn wieħed jingħata €150 meta jkun jista’ jaddotta annimal minn santwarju tal-annimali f’Malta jew Għawdex.

L-iskema tgħid li l-flus jingħataw biss 6 xhur wara li jkun ittieħed l-annimal u wara li “jsiru l-kjarifiki li l-annimal li ġie addottat jinsab f’kundizzjoni tajba”.

Iżda minkejja li din l-iskema mal-ewwel daqqa t’għajn tidher bħala xi ħaġa pożittiva, din kienet suġġetta għal ħafna kritika, l-ewwel u qabel kollox minn persuni li jħobbu l-annimali.

Nies li kkumentaw fuq il-media soċjali mat-tħabbir ta’ din l-iskema qalu, fost l-oħrajn, li min irid jaddotta, jagħmel hekk għax veramenta jixtiew jaddotta. Oħrajn qalu li din l-iskema se tissarraf f’aktar klieb jiġru barra wara li jgħaddu s-6 xhur. Oħrajn urew tħassib li l-iskema tista’ twassal biex persuni jaddottaw imbagħad jispiċċaw jaħqru jew joqtlu l-annimali.

Kien hemm min qal li kien ikun jagħmel aktar sens kieku minflok flus, ingħataw ikel tal-klieb jew vouchers li jissarfu mingħand veterinarju.

Ħafna kienu dawk li sempliċiment ma qablux mal-iskema għax irraġunaw li l-imħabba ma tridx flus, u li din l-iskema hi tip ta’ abbuż ieħor ta’ annimal li ma għandux vuċi. U kien hemm min saħansitra għamel l-argument li dan imur kontra l-għan oriġinali għalfejn bniedem jaddotta annimal.

Xtaqna wkoll il-kummenti ta’ attivist fil-qasam, u kellimna lil Mark Thorogood, volontier mal-fergħa tal-SPCA f’Għawdex, u amministratur tal-grupp popolari Rubs Puppy Love fuq Facebook. Mark qalilna li minkejja li l-iskema kienet imħabbra fil-manifest elettorali tal-Partit Laburista, iżda din saret bla ebda konsultazzjoni mas-santwarji. Thorogood qalilna li s-sanctuaries KOLLHA huma għal kollox kontra din l-iskema.

Hu spjega kif din it-tip ta’ skema se tagħmilha ferm aktar diffiċili għal min qed jiffosterja l-annimali biex isib dar għall-klieb u l-qtates li jkunu qed jiffosterjaw. Dan għaliex l-annimali tal-fosterers ma jidħlux f’din l-iskema. Dan b’riżultat li s-santwarji se jispiċċaw ikollhom iżommu aktar annimali mingħand il-fosterers, b’żieda ta’ xogħol u spejjeż għalihom.

Mark Thorogood qalilna li kien ikun aħjar kieku dawk il-€150 jingħataw lis-santwarju biex ikopru dawn l-ispejjeż. Huwa stmat li fis-santwarji hawn madwar 300 kelb u xi 1,000 qattus. Mark Thorogood qal li l-ebda pajjiż fl-Unjoni Ewropea ma joffri dawn it-tip ta’ skemi. Għall-kuntrarju, min jaddott, ikun mistenni jagħmel donazzjoni bħala għajnuna għas-santwarji.

L-attivist esprima wkoll tħassib dwar x’miżuri se jkun qed jieħu l-Gvern jekk f’dawn l-ispejzzjonijiet li se jsiru wara 6 xhur isibu li l-annimali ma jkunux miżmuma kif suppost, u anke dwar min se jkun qed iwettaq dawn l-ispezzjonijet, xi standards iridu jkunu konformi magħhom, u jekk l-Animal Welfare hux se jkunu qed jilqgħu annimali li jinsabu li mhux qed jinżammu kif suppost.