Internazzjonali

Stati Uniti: Diversi vittmi fost sparatura fi skola ta’ Los Angeles

Mara tilfet ħajjitha, b’numru ta’ persuni jispiċċaw midruba waqt sparatura fi skola għolja fl-inħawi ta’ Santa Clarita, f’Los Angeles County, fl-Istat ta’ Kalifornja. Waħda

Il-kumpless fejn seħħet l-isparatura jismu Saugus High School u r-rapporti qalu li l-inħawi nbidlu f’xena ta’ ‘pandemonju u twerwir’, minuti biss qabel il-bidu tal-ġurnata skolastika.

Il-pulizija li wieġbu għall-emerġenza damu żmien iduru fl-inħawi, anki waqt li l-midruba fl-attakk kienu qegħdin jitwasslu lejn ambulanzi fil-viċinanzi. Talanqas żewġ midruba (żewġ irġiel) kienu rappurtati f’kundizzjoni kritika.

L-aggressur suspettat bl-attakk kien imfisser bħala tifel Asjatiku ta’ 15-il sena li kien liebes l-iswed. Intant, l-aħħar rapporti qalu li t-tifel  inqabad u  qed jinżamm mill-pulizija wara ‘sitwazzjoni ta’ kriżi attiva’.

Rapporti oħrajn qalu li l-aggressur ukoll kellu jingħata t-trattament l-isptar u li l-pulizija rnexxielhom ‘jirkupraw arma tan-nar’ mill-inħawi.

L-iskola — fejn qed jattendu mal-2,500 student —  kienet damet għal żmien f’sitwazzjoni ta’ ‘lockdown’, l-istess bħal skejjel oħrajn fil-viċinanzi.

Madankollu,  gruppi ta’ studenti dehru ħerġin bil-kalma mill-iskola taħt id-direzzjoni tal-pulizija u fejn laqgħuhom il-ġenituri li marru jiġru lejn is-sit malli semgħu l-aħbar. Intant, il-pubbliku kien avżat biex iżomm ‘il bogħod mill-inħawi tal-isparatura.

Kelliema għall-White House qalu li l-President Amerikan, Donald Trump, qed isegwi l-iżviluppi ta’ dan il-każ traġiku.