L-Avukat Joe Giglio appella minn sentenza mogħtija mill-Qorti tal-Maġistrati mogħtija fl-aħħar ta’ Ottubru fejn mara intbagħtet sitt xhur ħabs fuq pusses sempliċi ta’ kannabis fejn fir-residenza tagħha fuq dan il-każ instabu 6.83 grammi f’qasrija waħda. Dan kollu seħħ minħabba liġi bażwija u li ma tagħmilx sens.
Fl-appell tiegħu l-Avukat Giglio qal li ma jagħmel l-ebda sens li persuna tintbagħat il-ħabs mill-Qorti, meta l-istess Qorti ma tridx tagħmel dan. Qal li mhux sew li wieħed jilgħab bil-ħajja tan-nies b’dan il-mod.
Skont il-liġi l-ġdida, li xi ħadd ikun f’pusses ta’ mhux aktar minn 3.5 grammi jfisser li lanqas biss jispiċċa l-Qorti, iżda jekk xi ħadd jiddeċiedi li ixettel il-kannabis għal użu personali mionflok ma jixtriha mingħand traffikant, u li ż-żerriegħa toħroġ aktar minn pjanta waħda, allura tispiċċa minimu ta’ sitt xhur ħabs.
L-iskop tal-appell qal l-Avukat Ġiglio sar biex jingħadda messaġġ lis-soċjetà li n-nies m’għandhomx jispiċċaw il-ħabs minħabba liġi zoppa li saret u li ma kinitx maħsuba għal dan. Din is-sitwazzjoni ċarament ikkaważat ħafna tbatija u ansjetà lil Marieclaire Camilleri u li hija theddida potenzjali għal nies li jagħżlu li jiżirgħu l-kannabis għalihom minflok jixtruha.
Liġi hekk imsejjħa ‘severa’ wasslet biex Maġistrat tikkundanna mara ta’ 39 sena għal sitt xhur ħabs talli kkultivat sitt pjanti żgħar tal-kannabis għal użu personali tagħha – u dan peress li l-‘liġi tonqos milli tiddistingwi min jistħoqqlu terminu ta’ ħabs effettiv’.
Minħabba kif inhuwa l-kliem fil-liġi, l-mara setgħet tibbenefika minn proviżjoni legali li kienet tagħtiha l-fakultà li ma tispiċċax il-ħabs – kieku kellha tikkultiva pjanta kbira minflok sitta żgħar b’total ta’ ħames grammi.
Il-Maġistrat Natasha Galea Sciberras kienet qalet fis-sentenza tagħha li l-Att dwar id-Dipendenza fuq id-Droga, li saret fl-2014, oriġinarjament kellha l-intenzjoni li dawk li jinstabu ħatja fuq pusses sempliċi fi kwantitajiet żgħar ma jintbagħtux il-ħabs, iżda jiġu mmultati.
Madankollu l-Qorti qalet li l-liġi kif inhija miktuba llum kienet qed tfalli milli tikseb l-għanijiet tagħha u kienet qed twassal lill-Qrati biex jitfgħu n-nies il-ħabs anke jekk l-istess Qrati kienu konvinti li dawn ma jixirqilhomx sentenza ta’ ħabs. Fis-sentenza tagħha, l-Maġistrat Galea Sciberras kienet ordnat biex kopja tagħha tintbagħat lill-Ministru tal-Ġustizzja Owen Bonnici.
Il-każ inkwistjoni jmur lura għal Lulju tal-2014 meta l-Pulizija kienet għamlet tfittxija fid-dar ta’ Marieclaire Camilleri li tinstab Tas-Sliema fejn hemm instabu sitt pjanti żgħar tal-kannabis f’qasrija waħda.
Il-mara kienet ammettiet l-akkużi miġjubin kontriha bil-Qorti iżda tinsisti li tisma’ l-provi. Hija kienet qalet li tikkultiva l-pjanti għal użu personali tagħha u kienet tpejjep mas-sitt ‘joints’ kuljum biex tgħinha tvinċi mill-problema ta’ ansjetà li għandha.
Il-Maġistrat Galea Sciberras, li quddiemha jkollha ħafna kawżi relatati mad-droga, kienet ukoll tkellemet dwar dan sentejn ilu, meta kienet qalet li minkejja li hija taqbel mar-riformi li saru, qalet li hija tħoss li kellu jkun hemm xi forma ta’ reviżjoni. Din il-problema qamet ukoll diversi drabi mill-Avukat tal-kriminal Franco Debono.
//= $special ?>