Internazzjonali

Awstralja: Mistennija aktar nirien fost it-temperaturi għoljin

In-nirien kbar li qabdu fiz-zoni qalb l-aħrax u li nfirxu madwar l-Istati ta’ New South Wales u Queensland mistennija jingħataw ‘stimolu’ mit-temperaturi tas-sħana li mistennija matul il-jiem li ġejjin. S’issa mietu erba’ persuni qalb in-nirien u waqt li l-kundizzjonijiet dehru li tjiebu, fl-aħħar sigħat, l-iskwadri għall-emerġenza kienu għadhom qed jikkumbattu mal-120 inċidenza ta’ nirien, fl-isemmija Stati.

Issa, l-awtoritajiet wissew dwar arja sħuna li mistennija tgħaddi mill-Awstralja u li għandha ‘tixpruna l-fjammi’. Dan meta t-temperaturi madwar il-Punent tal-Awstralja kienu mistennija jilħqu l-45 gradi Celsius fi tmiem il-ġimgħa.

In-nirien, s’issa, qerdu ‘il fuq minn 300 djar u waqt li t-tbassir meteoroloġiku mhux jindika daqstant xita għax-xhur li ġejjin, l-awtoritajiet għall-emerġenzi qed iwissu li l-fjammi kapaċi jkomplu jaqbdu ‘għal ġimgħat u anki xhur’ f’dawn iċ-ċirkustanzi.