Internazzjonali

Boris Johnson: L-ebda provi ta’ indħil mir-Russja

Il-Prim Ministru Britanniku, Boris Johnson, qal li mhemm ‘l-ebda provi’ ta’ indħil mir-Russja fil-politika tar-Renju Unit, bl-istqarrija tingħata fost sejħiet biex il-Gvern ta’ Johnson joħroġ rapport dwar is-suġġett qabel il-Britanniċi jivvutaw fl-elezzjoni tat-12 ta’ Diċembru.

Boris Johnson qal ukoll li mhemm ‘l-ebda raġuni’ biex jinbidlu ‘il-proċeduri normali’ bil-pubblikazzjoni tar-rapport imħejji mill-Intelligence Security Committee tal-Parlament. Dan meta ċ-Chairman tal-Kumitat, Dominic Grieve, qal li d-dokument, li kien iffinalizzat f’Marzu, fih l-informazzjoni relevanti għall-votanti. Il-Partit Laburista fl-Oppożizzjoni, intant, qed jesiġi biex ikun żvelat il-kontenut tar-rapport.

Ir-rapport tal-Intelligence Security Committee jinkludi ‘provi’ miġburin mis-servizzi sigrieti tar-Renju Unit li jikkonċernaw allegati attentati tar-Russja biex jinfluwenzaw ir-riżultati tar-referendum tal-2016 dwar il-futur tal-Britanniċi fl-Unjoni Ewropea u l-elezzjoni ġenerali tal-2017 fir-Renju Unit.

Il-proċess biex ir-rapport ikun ippubblikat ġie konkluż wara l-proċeduri tas-sigurtà li tlestew f’nofs ix-xahar li għadda. Intant, ir-rapport għadu qed jinżamm mit-Tmexxija f’Downing Street ( Londra) fost l-istennija għall-pubblikazzjoni eventwali.

Meta wieġeb għall-possibbiltà tal-indħil tar-Russi fil-politika tar-Renju Unit, Johnson – waqt li ċaħad li jeżistu l-provi – sostna li ‘wieħed irid joqgħod attent biex ma jċappasx lil kulmin ikun ġej minn ċertu pajjiż, sempliċiment minħabba l-kunċett ta’ nazzjonalità’.