Is-sit Taljan tal-ġurnal La Gazzetta dello Sport irrapporta li Napoli taħt it-tmexxija tal-kowċ Carlo Ancelotti jistgħu jorganizzaw kamp ta’ taħriġ f’pajjiżna waqt il-festi tal-Milied.
Napoli bħalissa jinsabu fis-seba’ post fis-Serie A b’19-il punt minn 12-il logħba u ġejjin minn ġimgħat ftit diffiċli b’tensjoni li żiedet wara riżultati diżappuntanti. Saħansitra kien organizzat irtir lill-plejers li kellu jitwaqqaf wara l-logħba tal-UEFA Champions League kontra Red Bull Salzburg minħabba li l-plejers irrifjutaw li jmorru lura.
Ancelotti kellu sitwazzjoni simili meta kien kowċ ta’ Milan fl-istaġun 2006/07. F’dak iż-żmien Milan kienu bdew bi tmien punti mnaqqsa wara s-sajf ta’ Calcipoli. Dakinhar kienu kisbu tliet rebħiet konsekuttivi iżda wara 12-il logħba f’Novembru, kellhom biss tmien punti u kienu ftit fuq iż-żona tar-relegazzjoni. Fil-UEFA Champions League, Milan kienu bdew tajjeb u spiċċaw biex rebħu l-grupp tagħhom.
Fil-perjodu meta l-kampjonat Taljan kien wieqaf, Milan kienu ġew kamp ta’ taħriġ f’pajjiżna waqt il-festi tal-Milied. Dan il-perjodu serva tajjeb lil Milan biex jirkupraw fil-kampjonat u telgħu fir-raba’ post filwaqt li spiċċaw l-istaġun bir-rebħ tal-UEFA Champions League. Skont il-ġurnal Taljan, il-President ta’ Napoli Aurelio De Laurentiis qed jiżen din il-possibbiltà, anki biex jgħin jikkalma l-ambjent fit-tim.
//= $special ?>