Irridu naħdmu aktar f’Għawdex u mal-Għawdxin biex niddefendu l-interessi tagħhom, kif ukoll dak kollu li jolqotna bħala Maltin u Għawdxin. Kliem is-Segretarju Ġenerali tal-Partit Nazzjonalista Clyde Puli waqt laqgħa oħra mal-Kunsillieri Lokali, din id-darba l-Għawdxin.
Fil-preżenza wkoll ta’ diversi strutturi tal-Partit f’Għawdex, hu kompla li fil-Qala, il-Partit Nazzjonalista ġġieled kontra l-qerda tal-Ambjent Għawdxi, filwaqt li għada se jiġġieled flimkien il-korruzzjoni.
Clyde Puli kompla li l-ħidma tal-Partit f’Għawdex mhux biss trid tkompli, iżda trid iżżid. Qal li hu importanti li l-Partit ikompli jassikura l-preżenza tiegħu f’Għawdex u fost l-Għawdxin, u dan jista’ jsir biss bl-għajnuna u l-parteċipazzjoni tal-attivisti kollha.
Fir-rigward tal-Kunsill Lokali, is-Segretarju Ġenerali tal-Partit Nazzjonalista qal li f’dan il-qasam, il-Partit għandu responsabilita kbira f’Għawdex għax imexxi tmien Kunsilli Lokali, jiġifieri d-doppju tal-maġġoranzi li għandu l-Partit Laburista f’Għawdex, fejn igawdi biss minn erba’ maġġoranzi.
Hu saħaq li l-Kunsilli Lokali għandhom ikunu t-tarka tar-residenti u jridu jaraw li jiddefenduhom meta l-Gvern jieħdu deċizjonijiet li ma jkunux fl-interess tal-lokalita bħalma ġara ftit tal-jiem ilu fil-każ tal-Qala.
Clyde Puli ħeġġeġ lill-Għawdxin biex għada jingħaqdu mal-Partit Nazzjonalista fil-protesta li se ssir fil-Belt, kontra l-korruzzjoni u kontra dak kollu li qed isir ħazin f’pajjiżna. Hu enfasizza li dak li ġara fil-Qorti aktar kmieni din il-ġimgħa huwa bla preċident.
Sadanittant, fil-laqgħa mal-Kumitat Reġjonali tal-Partit f’Għawdex, hu saħaq li għandu jiġi assigurat li bil-ħidma ta’ dan il-Kumitat, il-messaġġ tal-Partit Nazzjonalista jibqa’ jasal għand il-familji Għawdxin kollha.
Clyde Puli kellu diversi laqgħat oħrajn, partikolarment mal-Membri Parlamentari u mal-Kandidati li jikkontestaw fuq it-tlettax il-distrett, kif ukoll mal-eks Membri Parlamentari.
//= $special ?>