Internazzjonali

Gaza: Attakki ġodda mill-Iżraeljani fuq militanti tal-Ġiħad

Iżrael wettaq sensiela ta’ attakki ġodda fuq il-miri tal-militanti f’Gaza wara li dawn il-militanti bumbardjaw l-inħawi Iżraeljani man-naħa l-oħra tal-fruntiera. L-aħħar azzjonijiet qegħdin jipperikolaw ftehim għal waqfien mill-ġlied, fost rapporti li talanqas żewġ persuni ndarbu mill-missili tal-Iżraeljani li laqtu siti tal-grupp Ġiħad Iżlamiku.

L-attakki Iżraeljani qed jitqiesu bħala ritaljazzjoni għall-isparaturi, nhar il-Ħamis, mill-Ġiħad  u wara d-dikjarazzjoni tal-waqfien mill-ġlied mill-istess grupp ta’ militanti.

L-aħħar ġimgħa ta’ ġlied bejn Iżrael u l-milianti tal-Ġiħad seħħ wara li l-qawwiet tal-ajru Iżraeljani, nhar it-Tnejn, qatlu lil Baha Abu al-Ata, kmandant ewlieni tal-Ġiħad Iżlamiku. Ingħad li al-Ata kien protagonista fi pjan għal attakk imminenti fuq Iżrael.

Fl-attakki ta’ sigħat ilu, il-qawwiet Iżraeljani laqtu kumpless tal-Ġiħad Iżlamiku li kien qed jintuża għall-produzzjoni tal-komponenti għall-missili, flimkien mal-kwartieri-ġenerali ta’ dawn il-militanti fil-belt ta’ Khan Younis.