Futbol Sport

Ħames impenji internazzjonali għar-referees Maltin

Aħbar pożittiva għar-referees lokali hekk kif fil-jiem li ġejjin hemm ħames appuntamenti internazzjonali. L-ewwel appuntament huwa llum partita ta’ kwalifikazzjoni minn Grupp Ċ tal-fażi ta’ kwalifikazzjoni għall-Kampjonat Ewropew ta’ taħt il-21 sena bejn l-Awstrija u l-Kosovo. Ir-referee tal-partita se jkun Alan Mario Sant, bl-għajuna ta’ Roberto Vella u Luke Portelli bħala assistenti referees u Alex Johnson bħala r-raba’ uffiċjal. Dan se jkun id-debutt ta’ Alex Johnson f’kompetizzjoni Ewropea.

Il-Ħadd li ġej Trustin Farrugia Cann se jikkontrolla l-partita internazzjonali ta’ ħbiberija bejn il-Litwanja u New Zealand. Hu se jkun mgħejjun mill-assistenti referees Jurgen Spiteri u Christopher Francalanza, u r-raba’ uffiċjal Gediminas Mazeika mill-Federazzjoni tal-Litwanja.

It-Tnejn, Fyodor Zammit se jikkontrolla l-partita internazzjonali ta’ ħbiberija ta’ taħt il-21 sena bejn l-Ungerija u l-Awstrija fil-Puskas Arena f’Budapest. Alan Camilleri u Mitchell Scerri se jkunu l-assistenti referees filwaqt li Peter Solymosi mill-Federazzjoni Ungeriża.

L-impenn internazzjonali ta’ ħbiberija li l-finalisti fit-Tazza tad-Dinja 2018, il-Kroazja, għandhom kontra l-Georgia t-Tlieta li ġej se jkun ikkontrollat minn Alan Mario Sant bl-għajnuna tal-assistenti referees Duncan Sultana, Luke Portelli, u r-raba’ uffiċjal Marin Vidulin mill-Federazzjoni Kroata.

Fl-istess jum, it-terna arbitrali magħmula minn Trustin Farrugia Cann u l-assistenti referees Jurgen Spiteri u Christopher Francalanza se terġa’ tkun fl-azzjoni fil-partita internazzjonali bejn il-Montenegro u l-Belarus. Ir-raba’ uffiċjal se jkun Jovan Kaludjerovic mill-Assoċjazzjoni tal-Montenegro.