Ambjent Lokali

It-terminu ODZ għandu jispiċċa – Kamra tal-Periti

Ir-reviżjoni tal-politika dwar iz-zoni rurali għandha tibbaża ruħha fuq l-għarfien li l-ambjent rurali għandu valur minnu nnifsu li huwa aqwa mill-valur monetarju li jista’ jingħata fi kwalunkwe żmien.

L-effetti pożittivi li l-ambjent naturali għandu sabiex jindirizza t-tibdil fil-klima, il-kwalita’ tal-arja u tal-ilma, il-bijodiversita’, is-saħħa tan-nies u għall-identita’ nazzjonali u lokali għandhom jiġu tradotti f’policies tal-ippjanar effettivi.

Sostniet dan fi stqarrija il-Kamra tal-Periti li qed targumenta li t-terminu “barra miz-zona tal-Izvilupp …ODZ” għandu jiġi abolit. Dan għaliex hemm diversi forom ta’ żvilupp leġittimu bħal bini ta’ ħajt tas-sejjieħ, il-bini ta’ razzett u tqattiegħ fil-barrieri.

Il-Kamra tal-Periti qed tirrakkommanda li flok it-termini zona tal-izvilupp u zona barra l-izvilupp, għandhom jiġu adottati żewġ kategoriji prinċipali, Żoni Urbani u Żoni Rurali li jiżdiedu maż-Żoni Kostali u Marittimi.

L-irħula ġew għal diversi għexieren ta’ snin skedati bħala Żoni Urbani u dan, skont il-Kamra tal-Periti, huwa żbaljat għaliex l-irħula jifformaw parti integrali mill-pajsaġġ u l-identita’ rurali.

Il-Kamra tal-Periti ilmentat dwar it-terminu tal-konsultazzjoni pubblika dwar il-policy rurali li kien qasir wisq fid-dawl tal-implikazzjonijiet kbar li din il-policy għandha fuq il-kwalita’ tal-ħajja  u s-sensittivita’ tal-ambjent naturali.

Filwaqt li r-reviżjoni tal-policy rurali tal-2014 hi bżonn urġenti, il-Kamra tal-Periti ttenni li jkun iktar għaqli u ta’ benefiċċju li l-policy l-ġdida tkun mfassal fuq SPED ġdid.

L-iSPED, taqsira għal Pjan Strateġiku dwar l-Ambjent u l-Iżvilupp, hu l-pjan ewlieni li jirregola l-iżvilupp fil-Gżejjer Maltin.

Dan il-pjan hu skedat għal reviżjoni matul is-sena d-dieħla u l-Kamra tal-Periti qed issostni li dawn ir-reviżjonijiet għandhom jikkumplimentaw lil xulxin.