Minn dan l-istaġun għat-tliet snin li ġejjin, kull tim irid ikollu tal-anqas tliet Maltin fil-court il-ħin kollu. Qal dan il-President tal-Malta Basketball Association Paul Sultana waqt konferenza stampa fejn telgħu wkoll il-poloz tal-BOV knock-out.
Hu għamel referenza li bħala assoċjazzjoni għadhom qed jistennew il-fondi neċessarji biex ikunu jistgħu jippreparaw għal-Logħob tal-Pajjiżi ż-Żgħar li se jsiru f’pajjiżna fl-2023.
Peter Perotti f’isem il-Bank of Valletta tenna l-appoġġ lejn l-MBA u appella biex aktar stakeholders jidħlu fil-logħba filwaqt li l-awtoritajiet jagħmlu għad-dispożizzjoni aktar faċilitajiet sportivi.
Fil-kwarti tal-finali tal-Ewwel Diviżjoni tal-irġiel, Starlites GIG telgħu kontra Gżira Athleta, bir-rebbieħ jilgħab is-semifinali kontra Luxol. Hibernians u Depiro se jikkontestaw is-semifinali l-oħra.
Mill-Kampjonat Amateur, Starlites GIG telgħu kontra Mellieħa Libertas Spalding u Fusion telgħu kontra Depiro, bir-rebbieħa jilagħbu kontra xulxin fis-semifinali. Hibernians jiltaqgħu fis-semifinali kontra Pyrinto jew Gżira Athleta.
Intant il-Ħadd li ġej jitħabbru r-rebbieħa tal-Plejers tas-Sena tal-MBA. Mill-Ewwel Diviżjoni l-finalisti huma Matthew Gouder, Peter Shoults u Roderick Vella, mill-Kampjonat tan-nisa taqtigħa bejn Samantha Brincat, Steffi de Martino u Josephine Grima u mill-Kampjonat Amateur il-finalisti huma Matthew Gouder, Matthew Xerri u Nathan Xuereb.
//= $special ?>