Lokali

“Keith Schembri – l-ikbar simbolu ta’ sistema mnawra” – Graffitti

L-istejjer ta’ ħmieġ marbuta mal-involviment ta’ Keith Schembri mal-kumpanija 17 Black ta’ Yorgen Fenech u l-akkwist pubbliku tal-enerġija huma tifkira li s-sistema politika Maltija qed tegħreq fil-flus maħmuġin li jiffinanzjawha. Fi stqarrija, l-Moviment Graffitti jgħid li Keith Schembri mhuwiex biss uffiċjal tal-gvern “allegatament korrott”, iżda artefiċi u punt ewlieni ta’ sistema diżonesta li nbniet fin fin mill-elit tan-negozjanti għall-benefiċċju tal-elit tan-negozjanti.

Graffitti ttenni li Keith Schembri messu ilu li rriżenja 1,322 jum ilu, meta ħarġet l-aħbar dwar il-kontijiet offshore tiegħu. Madankollu, minkejja bosta sejħiet għal riżenja minn bosta kwartieri, Schembri baqa’ f’postu; mhux biss minħabba l-qawwa politika tiegħu, iżda anke għax huwa kruċjali għal sistema li għen fil-bini tagħha, u li għadu jmantni, u li permezz tagħha l-klassi tan-negozjanti stabilixxiet il-kontroll fuq l-oqsma kollha tas-soċjetà Maltija billi ffinanzjat il-klassi politika u xtratha.

L-istqarrija tkompli li din is-sitwazzjoni wasslet għal libertinaġġ assolut fl-ippjanar; skjavitù u abbuż tal-ħaddiema f’bosta oqsma speċjalment fil-kostruzzjoni; infurzar ineżistenti fis-servizzi finanzjarji; l-ispettru, viżibbli ħafna, tal-ħasil tal-flus u l-flus maħmuġin li qed jidħlu fl-ekonomija tagħna; il-kuntrabandu bla xkiel tal-fjuwil madwar il-kosta tagħna; dan, filwaqt li l-policies u l-liġijiet qiegħdin jinkitbu biss bl-intenzjoni li jiġu protetti l-interessi kummerċjali, u mhux iċ-ċittadini.