Il-Prim Awla tal-Qorti Ċivili preseduta mill-Imħallef Lawrence Mintoff ordnat lis-Soċjetà Għaqda Soċjali Madonna tad-Duttrina ta’ Ħal Tarxien biex tħallas kumpens ta’ €31,279, wara danni li sofra meta fis-sajf ta’ sentejn ilu r-razzett tiegħu nħakem minn nirien ikkaġunati minn ġamar li waqgħu minn murtali sparati minnhom.
Il-kumpens ingħata lil Charlo Borg ta’ 42 sena li fetaħ kawża kontra Joseph Barbara, Peter Agius, Carmelo Buttigieg, Raymond Sultana u Martin Agius, personalment u bħala President, Segretarju, Teżorier u persuni liċenzjati tal-Għaqda Soċjali Madonna tad-Duttrina ta’ Ħal Tarxien.
Ir-razzett bl-isem ta’ ‘St. Joseph Farm’, jinsab fi Triq Tarxien, Gudja, liema razzett jinsab faċċata tas-Supermarket Scotts, biswit il-post li fih jinħaraq n-nar tal-festa tal-Madonna tad-Duttrina ta’ Ħal Tarxien.
Matul il-lejl tal-festa, nhar it-23 ta’ Lulju 2017, waqt li kien qed jittella’ n-nar tal-festa, ir-razzett inħakem minn nirien kbar ikkaġunati minn debris u murtali sparati fl-inħawi tiegħu. B’riżultat ta’ dan Borg sofra danni kbar billi nħaraq ammont kbir ta’ tiben, kwantità kbira ta’ ċana u kwantità ta’ għalf tal-bhejjem, kif ukoll mietu xi bhejjem, apparti ħsarat konsiderevoli fir-razzett innifsu.
Il-Qorti fid-deċiżjoni tagħha qalet li mill-provi jirriżulta li dakinhar li seħħ l-inċident kien hemm xi ftit tar-riħ varjabbli fil-Gżejjer Maltin, u dan il-fatt kien wassal lil Borg biex javviċina lil uħud mid-dilettanti tan-nar u talabhom joqogħdu attenti għax fir-razzett kellu diversi annimali u kwantità ta’ tiben.
L-inċident seħħ meta waqt li kien qed isir il-ħruq tal-murtali tal-aħħar, tard dakinhar tal-festa, taret ġamra fid-direzzjoni ta’ fejn Borg kien iżomm it-tiben maħżun għall-annimali tiegħu, bir-riżultat li f’tebqa’ t’għajn tħeġġeġ in-nar u kkawża bosta ħsarat.
Il-Qorti qalet d-delizzju tal-logħob tan-nar huwa minnu nnifsu perikoluż, u wieħed qatt ma jista’ jieħu prekawzjonijiet biżżejjed biex jilqa’ għall-inċidenti kollha li jistgħu jinqalgħu.
“Il-piroteknika mhijiex attività li ssir f’vakum jew fl-astratt imma ssir fl-arja aperta u suġġetta għall-kundizzjonijiet atmosferiċi. Meta jinħaraq in-nar u riħ ikun jiġbed fid-direzzjoni tal-abitat jew ta’ proprjetà ta’ terzi, f’dan il-każ razzett tal-baqar, ċertament li ma jistax jingħad li l-ħruq fir-razzett seħħ minħabba ‘eventi u ċirkostanzi indipendenti mill-volontà tal-membri tal-kumitat u li huma marbuta mal-forza maġġuri u accidens’, imma l-kawża prossima tal-inċident tibqa’ l-attività piroteknika.”, ddikjarat il-Qorti.
Punt li saħħqet dwaru l-Qorti kien li dawk li kienu qed jaħarqu n-nar kienu avżati minn Borg dwar id-direzzjoni li kien qed jieħu r-riħ ftit sigħat qabel l-inċident, u dawn waqt li kienu qed jeżerċitaw id-delizzju tagħhom li min-natura tiegħu huwa ta’ ċerta perikolożità, kellhom id-“duty of care” li jiżguraw li ma jibqgħux jaħarqu nar minn dik il-postazzjoni waqt li r-riħ kien qed jagħti għal fuq ir-razzett ta’ Borg u mhux jibqgħu jaħarqu n-nar xorta waħda u mbagħad jippruvaw jeżonoraw ruħhom minn kull responsabilità għal dak li ġara, billi jwaħħlu fil-kundizzjonijiet atmosferiċi.
Minkejja li minn ħin għal ieħor ir-riħ beda jitqawwa u jvarja d-direzzjoni tiegħu, jidher li fl-ebda ħin ma ttieħdet deċiżjoni li jinbidel il-post minn fejn beda jinħaraq in-nar, biex jiġi evitat kemm jista’ jkun li jtir xi ġamar fid-direzzjoni tar-razzett ta’ Borg.
Il-Qorti qalet ukoll li “m’hemmx dubju li dawn in-nuqqasijiet gravi kienu konsegwenza tan-negliġenza u l-imprudenza tal-membri tas-soċjetà, u meta jinqala’ xi nċident minħabba nuqqasijiet bħal dawn, huma l-persuni li jkunu kkawżaw il-ħsara li jridu jwieġbu għaliha, jiġifieri il-membri tas-soċjetà f’dan il-każ”.
It-total tad-danni materjali li sofra Borg ġew ikkalkulati fl-ammont ta’ €31,279.39. Il-Qorti filwaqt li ddikjarat lill-uffiċjali tal-Għaqda Soċjali Madonna tad-Duttrina ta’ Ħal Tarxien huma responsabbli, ordnatilhom iħallsu bejniethom l-ammont imsemmi lil sid ir-razzett, Charlo Borg.
//= $special ?>