Futbol Sport

L-Italja tibqa’ b’punti massimi u kwalifikazzjoni għall-Iżvezja u l-Finlandja

(Ritratt: EPA)

It-tim nazzjonali Taljan baqa’ b’punti massimi wara disa’ logħbiet b’rebħa ta’ 3-0 kontra Bożnija. FRANCESCO ACERBI fetaħ l-iskor wara 21 minuta b’konklużjoni fil-baxx bil-lemin u LORENZO INSIGNE rdoppja fis-37 minuta b’xutt imkaxkar għar-rokna. ANDREA BELOTTI żied gowl ieħor fit-53 minuta b’konklużjoni minn barra l-kaxxa.

Mill-istess grupp, il-Finlandja aċċertat minn kwalifikazzjoni storika għall-Kampjonat Ewropew b’rebħa ta’ 3-0 kontra Liechtenstein. JASSE TUOMINEN fetaħ l-iskor fil-21 minuta b’xutt mill-viċin u TEEMU PUKKI rdoppja fl-64 minuta minn penalty. L-istess TEEMU PUKKI ssiġilla r-rebħa kwarta mit-tmiem wara li qabeż il-gowlkiper.

Il-Greċja qabżet fit-tielet post ta’ Grupp J b’rebħa barra minn darha ta’ 1-0 kontra l-Armenja. DIMITRIOS LIMNIOS iddeċieda l-konfront fl-34 minuta b’xutt fil-baxx minn pożizzjoni ċentrali fil-kaxxa.

In-Norveġja rebħet 4-0 kontra l-Gżejjer Faroe. TORE REGINIUSSEN fetaħ l-iskor wara erba’ minuti b’daqqa ta’ ras u IVER FOSSUM irdoppja erba’ minuti wara meta kompla għal ġewwa mill-kaxxa ż-żgħira. ALEXANDER SOERLOTH skorja doppjetta b’gowls fit-62 u fil-65 minuta meta l-ewwel skorja minn qagħda ċentrali u ftit warra tħalla waħdu fil-kaxxa.

L-Iżvezja aċċertat mill-kwalifikazzjoni b’rebħa ta’ 2-0 barra minn darha kontra r-Rumanija f’logħba deċiżiva. MARCUS BERG fetaħ l-iskor fit-18-il minuta b’daqqa ta’ ras u ROBIN QUAISON irdoppja fl-34 minuta b’konklużjoni mill-kaxxa.

Minn Grupp D, l-Iżvizzera għamlet pass importanti lejn il-kwalifikazzjoni b’rebħa ta’ 1-0 kontra Georgia. Il-gowl deċiżiv wasal fis-77 minuta b’daqqa ta’ ras ta’ CEDRIC ITTEN wara li tħalla żmarkat fil-kaxxa.

Id-Danimarka baqgħet fil-quċċata tal-istess grupp wara rebħa faċli ta’ 6-0 kontra Ġibiltà. ROBERT SKOV fetaħ l-iskor fit-12-il minuta u CHRISTIAN GYTKJAER irdoppja fis-47 minuta, b’MARTIN BRAITHWAITE jagħmilhom tlieta erba’ minuti wara. ROBERT SKOV skorja r-raba’ gowl fl-64 minuta, b’CHRISTIAN ERIKSEN jiskorja doppjetta fil-85 u fid-90 minuta.

Riżultati kollha

Grupp D: Danimarka v Ġibiltà 6-0, Żvizzera v Georgia 1-0

Grupp F: Norveġja v Gżejjer Faroe 4-0, Rumanija v Żvezja 0-2, Spanja v Malta 7-0

Grupp J: Armenja v Greċja 0-1, Finlandja v Liechtenstein 3-0, Bożnija v Italja 0-3