Il-belt ta’ Venezja, li fl-aħħar jiem ġarrbet il-konsegwenzi ta’ għargħar ‘kważi record’, mill-ġdid kellha tiffaċċja sitwazzjoni fejn il-livelli tal-ilma żdiedu ( sa massimu ta’ 160 ċentimetru), bl-awtoritajiet Taljani qegħdin jaraw l-aħjar mod kif jindirizzaw kriżi li qed tiswa l-miljuni tal-ewro. Sadanittant, l-irwiefen kbar fl-inħawi ta’ Venezja jidhru li qegħdin iżidu l-livell tal-kriżi.
Il-Pjazza ta’ San Marco – famuża madwar id-dinja u popolari ħafna mat-turisti – tinsab magħluqa u bl-iskejjel ta’ Venezja ma jiftħux għat-tielet jum konsekuttiv.
Fl-istess ħin, mgħadhomx qed jaħdmu l-vapuretti li huma sinonimi ma’din il-belt fuq l-ilma, bil-Gvern Taljan jiddikjara stat ta’ emerġenza fiz-zona, li l-UNESCO iddikjaraha bħala sit għall-patrimonju storiku. Spiċċat mgħarrqa wkoll il-Fondamenta Zattere – iz-zona tal-waterfront tant maħbuba mit-turisti f’Venezja.
L-għargħar ta’ din il-ġimgħa f’Venezja ħalla ħsarat kbar għall-monumenti kulturali, in-negozji u d-djar – bl-awtoritajiet jikkonfermaw li l-kriżi affettwat mat-80 fil-mija tal-belt.
Issa, ir-rapporti qalu li r-residenti li ġarrbu l-ħsarat fi djarhom se jingħataw sa 5,000 ewro f’kumpens, bin-negozji ta’ Venezja jingħataw mal-20,000 ewro. Dan meta l-Gvern Taljan wiegħed somma ta’ 20 miljun ewro f’għajnuna urġenti għal Venezja.
//= $special ?>