Futbol Sport

Lejl ikrah għall-Maltin f’Cadiz

(Ritratt: Carl Farrugia)

Christian Micallef jirrapporta minn Cadiz bl-appoġġ ta’ Floors of Stone, Konica Malta u Office Group, JetFreight Limited, Paparazzi 29 Restaurant

SPANJA…………………………… 7

MALTA……………………………. 0

Spanja: P. Lopez, J. Navas, R. Albiol, S. Ramos (P. Torres 61’), J. Bernat, Rodri, T. Alcantara, S. Cazorla (P. Alcacer 53’), P. Sarabia, G. Moreno, A. Morata (D. Olmo 66’)

Malta: H. Bonello, J. Corbolan (K. Micallef 33’), J. Caruana, Z. Muscat, A. Agius, J. Pisani (J. Grech 66’), B. Paiber, R. Muscat (T. Caruana 63’), D. Vella, J. Mbong, K. Nwoko

Skorjaw: A. Morata 23’, S. Cazorla 41’, P. Torres 62’, P. Sarabia 63’, D. Olmo 69’, G. Moreno 71’, J. Navas 85’ (S)

Referee: Viktor Kassai

Attendenza: 19,773

X’tista’ tgħid wara telfa daqstant diżastruża? Tlifna. L-avversarji umiljawna u ma kellhom ebda rispett lejn Malta. Lagħbu l-logħba tagħhom u baqgħu għaddejjin bl-istess ritmu tal-partita tul id-90 minuta. Agħar minn hekk fit-tieni taqsima u fi spazju ta’ disa’ minuti, Spanja skorjat erba’ gowls li kienu l-kaġun biex Malta tfixklet u litteralment konna biss qed neżistu fil-grawnd.

Lil hinn minn kollox, din il-partita se tibqa’ waħda li jibqgħu jiftakru ż-żewġ plejers ta’ Floriana, Jurgen Pisani u Brandon Paiber għaliex kellhom il-magħmudija tan-nar ma’ Malta, speċjalment wara l-partiti pożittivi li dawn it-tnejn kienu qed ikollhom mal-greens fil-Kampjonat Premier. Il-kowċ Ray Farrugia wettaq erba’ bidliet mit-telfa ta’ 1-0 kontra l-Gżejjer Faroe fil-bidu tax-xahar li għadda. Farrugia kellu jagħmel bidla sfurzata b’Steve Borg li kien sospiż għal din il-partita. Post Borg ħadu l-kollega tiegħu fit-tim ta’ Valletta, Jonathan Caruana. F’nofs il-grawnd din id-darba ma bdewx, Paul Fenech, Jake Grech u Michael Mifsud.

Farrugia beda’ b’formazzjoni ta’ 5-4-1, b’Caruana, Andrei Agius u Zach Muscat ikunu t-tliet difensuri ċentrali, filwaqt li Juan Corbolan u d-debuttant Pisani, kienu t-tnejn ta’ mal-linja fid-difiża. F’nofs il-grawnd, it-tnejn tan-nofs kienu Dunstan Vella u Rowen Muscat. Paiber u Joseph Mbong lagħbu mal-ġnub fid-dipartiment tan-nofs. L-attakkant ta’ 22 sena, Kyrian Nwoko reġa’ ngħata l-fiduċja mill-kowċ Malti sabiex jibda mill-ewwel minuta bħala l-uniku attakkant Malti fil-formazzjoni.

(Ritratt: Carl Farrugia)

L-ewwel azzjoni tal-partita waslet wara ħames minuti logħob meta Jesus Navas xeħet ballun fid-direzzjoni ta’ Alvaro Morata li bir-ras, kellu l-konklużjoni tiegħu tgħaddi ftit barra mil-lasti tal-gowlkiper Malti. Ħdax-il minuta wara, Spanja ħolqot l-ewwel azzjoni perikoluża meta minn kross tal-plejer ta’ PSG Pablo Sarabia, inħolqot konfużjoni fil-kaxxa difiża mill-Maltin, il-ballun wasal għand Juan Bernat li xeħet bir-ras lejn il-lasti iżda Bonello salva.

Fit-22 minuta, Bonello ħareġ jagħlaq tajjeb fuq Morata u xeħet il-ballun f’korner. Mill-azzjoni sussegwenti, Gerard Moreno għadda lejn ALVARO MORATA, li mill-viċin rnexxielu jiftaħ l-iskor hekk kif id-difiża tal-Maltin dehret inċerta. Erba’ minuti wara, l-Istadium f’Cadiz reġa’ għajjat gowl meta Bonello wettaq save deċiżiv, u mir-rebound reġa’ kien Morata li anke jekk kien angolat, ikkonkluda fix-xibka, madankollu l-azzjoni kienet iġġudikata mir-referee Ungeriz, Viktor Kassai bħala waħda rregolari għal offside.

Spanja kompliet tiddomina fil-pussess, bil-Maltin kostretti li jiddefendu biss. Fl-40 minuta, wasal it-tieni gowl tal-Ispanjoli. Għal darb’oħra l-attakkant ta’ Villarreal, Gerard Moreno serva ta’ assist biex l-Ispanjoli żiedu l-iskor fil-partita. Hu għadda lejn SANTI CAZORLA li xeħet fuq il-lemin tal-gowlkiper Bonello, bil-ballun jaħbat mal-lasta qabel ma qabeż il-linja għal 2-0.

(Ritratt: Domenic Aquilina)

Fit-48 minuta, Malta kkonkludiet azzjoni rari lejn il-lasti avversarji, meta Nwoko prova konklużjoni lejn il-lasti, li iżda għaddiet barra u ‘l bogħod milli timpenja lill-gowlkiper ta’ Roma Pau Lopez. Ħames minuti wara, Santi Cazorla kellu xutt dirett lejn il-lasti avversarji li għadda ftit barra, b’Zach Muscat imiss il-ballun qabel ma għadda barra.

Spanja resqet tassew viċin it-tielet gowl tagħhom fil-partita fis-57 minuta meta Morata l-ewwel kellu l-lob tiegħu imblukkat minn Bonello, il-ballun spiċċa f’saqajn Pablo Sarabia li b’fortuna għall-Maltin, ix-xutt tiegħu kien salvat minn fuq il-linja minn Caruana. Minuta wara, konklużjoni b’saħħitha ta’ Gerard Moreno, b’xorti tajba għaddiet ftit barra mil-lasti tal-Maltin.

Wara dan id-dominju minn Spanja, it-tielet gowl kien inevitabbli u fil-fatt fit-62 minuta, PAU TORRES b’faċilitá kbira kompla l-ballun għal ġewwa minn azzjoni fuq il-lemin tal-gowlkiper Bonello, u assist tas-sostitut Paco Alcacer. Pau Torres kien ilu biss minuta fil-pitch, wara li nbidel mal-captain Spanjol, Sergio Ramos. Lanqas laħqu għaddew 60 sekonda minn dan il-gowl li l-Maltin ma sofrewx ir-raba’ gowl. Gerard Moreno għadda t-tielet assist fil-partita li wassal għal gowl ta’ Spanja, din id-darba fid-direzzjoni ta’ PABLO SARABIA li mill-viċin xeħet fix-xibka għar-raba’ gowl Spanjol f’lejl mimli gowls f’Cadiz.

(Ritratt: Carl Farrugia)

Spanja għamluhom ħamsa fid-69 minuta, meta l-midfielder ta’ Bayern Munich, Thiago Alcantara għadda lejn DANI OLMO li dar mal-gowlkiper Bonello u għaqqad ċinkwina Spanjola. Sfortunatament l-umiljazzjoni tal-Maltin kompliet hekk kif Spanja skorjat ir-raba’ gowl f’disa’ minuti, preċiżament fil-71 minuta Juan Bernat għadda lejn GERARD MORNO, li mill-viċin ikkonkluda għal ġewwa, wara li aktar qabel serva xejn inqas minn tliet assists li waslu għal gowls ta’ Spanja f’din il-partita. Il-midfielder ta’ 21 sena li jilgħab ma’ Dinamo Zagreb kien ilu biss tliet minuti fil-pitch.

Dawn kienu disa’ minuti iebsa għal Malta u li fihom kieku ma kienx għal Bonello, l-iskor kien ikun akbar għaliex kien hemm tal-anqas żewġ azzjonijiet differenti li fihom salva azzjonijiet li kienu jwasslu għal aktar gowls minn Spanja.

Fil-85 minuta, Spanja skorjat is-seba’ gowl u kompliet tumilja lill-Maltin f’dak li tassew kien lejl ikrah għal kull min iħobb it-tim nazzjonali ta’ pajjiżna. Kienet konklużjoni mill-isbaħ ta’ JESUS NAVAS minn barra l- kaxxa li ħalliet lil Bonello jiċċassa biss lejn il-ballun dieħel fix-xibka, hekk kif ma seta’ jagħmel xejn biex iwaqqaf il-konklużjoni. Fl-aħħar ħinijiet tal-partita, Malta evitat it-tmien gowl meta Paco Alcacer kellu l-konklużjoni tiegħu tistampa mal-wieqfa.