Lokali

Li tagħti ċekk mhux soluzzjoni

Li tagħti ċekk ta’ €150 lil min jadotta annimal domestiku minn santwarju tal-annimali mhix is-soluzzjoni kontra s-sitwazzjoni tal-annimali li jispiċċaw jiġġerrew fit-toroq.

Din hi l-pożizzjoni tal-ġurnal The Malta Independent, fl-Editorjal bit-titlu “A pet is not just for Christmas or a 150 euro cheque” (Annimal domestiku mhux sempliċiment għall-Milied jew għal ċekk ta’ 150 ewro).

Il-ġurnal jirreferi għall-kritika fil-konfront ta’ dawk li jixtru annimal domestiku lil xi ħadd mit-tfal tiegħu biex imbagħad, dan jispiċċa jitħalla jiġri barra, abbundat xi mkien.

Issa, is-Segretarju Parlamentari Clint Camilleri qed jipproponi li min jieħu annimal domestiku f’daru minn xi santwarju, jingħata ċekk ta’ €150. Biex jipprova jbenġel is-sitwazzjoni, hu qal li l-flus se jkunu qed jintbagħtu wara madwar sitt xhur.

Iżda dan qed iħasseb lil ħafna, li qed jgħidu li dawk li jridu jabbużaw, jistgħu jrabbu lill-annimali għas-sitt xhur meħtieġa umbagħad jitilquh ladarba jkollhom iċ-ċekk f’idejhom.

Il-ġurnal jikkwota attivisti li huma xettiċi kemm din l-iskema se tgħin biex titjieb il-ħajja ta’ dawn l-annimali, kif qed jipprova jispjega s-Segretarju Parlamentari. Barra minhekk, ħafna familji u individwi li jiġbru annimali abbandunati u jagħtuhom lil xi ħadd se jkunu żvantaġġjati għax min jieħu annimali mingħandhom, mhux se jkun qed jirċievi l-flus.

Minflok, il-ġurnal jgħid li kien jagħmel aktar sens li kieku l-Gvern għen lis-santwarji u lil guppi relatati ħalli dawn jaġġornaw u jżidu r-riżorsi umani tagħhom.

Il-ġurnal temm li hemm bżonn kontrolli aktar serji, anke fil-mod kif isir it-tgħammir tal-klieb u qtates slavaġ.