Lokali

QTIL CARUANA GALIZIA: Wara pressjoni, Muscat ibiddel il-membri tal-Bord ta’ Inkjesta

Jagħmel dan biss wara pressjoni mill-familja Caruana Galizia u mill-Oppożizzjoni

Wara pressjoni mill-familja Caruana Galizia u mill-Oppożizzjoni, il-Prim Ministru Joseph Muscat kellu jċedi u jbiddel il-bord li se jkun qed imexxi l-inkjesta pubblika dwar l-assassinju tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia.

Permezz ta’ stqarrija uffiċjali, l-Gvern ħabbar li l-Prim Imħallef Emeritu Joseph Said Pullicino u l-Imħallef Abigail Lofaro se jkunu qegħdin jiffurmaw parti mill-bord. Huma se jkunu qed jieħdu post Ian Refalo u Anthony Abela Medici, li kienu maħtura fuq il-bord oriġinali.

Kemm Abela Medici kif ukoll Ian Refalo kienu aċċettaw li jservu fuq dan il-bord, iżda t-tnejn li huma issa rtiraw milli jiqbgħu fuq il-bord.

Ian Refalo kien rappreżentant tal-FIAU, kif ukoll kien irrappreżenta lill-eks direttur tat-Times of Malta Adrian Hillman. Hu kien suġġett tal-kitba ta’ Daphne Caruana Galizia kemm-il darba dwar dan il-fatt.

Anthony Abela Medici kien direttur tal-Laboratorju Forensiku tal-Pulizija u ingħata wkoll karigi oħra mal-Gvern.

MInbarra t-tibdil fil-formazzjoni tal-bord tal-inkjesta, saru wkoll xi tibdiliet zgħar fit-termini tar-referenza tal-bord, wara taħditiet mal-familja Caruana Galizia.