Futbol Sport

Ray Farrugia jesprimi d-diżappunt li erba’ mis-seba’ gowls waslu minn set-pieces

(Ritratt: EPA)

Inevitabbilment u mingħajr sorpriża, diżappunt fuq wiċċ il-kowċ nazzjonali Ray Farrugia wara t-telfa ta’ 7-0 kontra Spanja. Farrugia kellu inċident waqt il-logħba fit-tieni taqsima iżda xorta għadda l-kummenti tiegħu wara l-logħba.

Mingħajr tlaqliq, Farrugia qal li t-tim Malti kellu logħba fqira ħafna. L-akbar diżappunt tiegħu hu li erba’ mis-seba’ gowls waslu minn set-pieces. Sarkastikament, Farrugia għamel referenza għall-inċident li kellu; “kieku kelli nbiddel xi ħaġa, kont nibdel il-bank tas-sostituti biex ma nerġax naħbat miegħu.” Mistoqsi jekk dak li ġara lilu, ħalliex effett fuq il-plejers, Ray Farrugia wieġeb li ma kien se jinbidel xejn.

Hu kellu kliem ta’ tifħir għal Spanja  fejn qal li fl-opinjoni tiegħu jaħseb li l-Ispanjoli għandhom biżżejjed kwalità biex jirbħu l-Kampjonat Ewropew. “Konna nafu li se nilagħbu kontra wieħed mill-aqwa timijiet tad-dinja. Din l-iskwadra ta’ Spanja hi bla dubju aqwa minn meta tlifna 12-1.”

Il-kowċ nazzjonali kkonferma li Juan Corbalan weġġa’ l-hamstring u żgur li mhux se jilgħab it-Tnejn li ġej kontra n-Norveġja filwaqt li dwar id-debuttanti Jurgen Pisani u Brandon Paiber, qal li jekk jilagħbu aktar mat-tim nazzjonali, se jitjiebu żgur.