Lokali Qorti

Sentenza sospiża wara li tefa’ video offensiv fil-konfront tal-Maġistrat Joe Mifsud fuq Youtube

Joseph Mary Ebejer ta’ 54 sena minn Ħal Qormi ġie kundannat sentejn ħabs sospiżi għal erba’ snin wara li ammetta li tefa’ video fuq Youtube joffendi lill-Maġistrat Joe Mifsud. Il-video twill 11-il minuta sar minn Ebejer wara li ma kienx kuntent fuq deċiżjoni mogħtija mill-istess Maġistrat.

Ebejer li tressaq quddiem il-Maġistrat Josette Demicoli ammetta li nġurja u hedded lill-Maġistrat Joe Mifsud fuq il-qadi ta’ dmirijietu u dan taħt sezzjoni 93 tal-Kodiċi Kriminali.

Ebejer li skuża ruħu għal dak li għamel fejn huwa jidher qed jindirizza lill-Maġistrat fejn għamel diversi allegazzjonijiet malafamanti fuq il-karattru tal-Maġistrat u l-familja tiegħu.

L-Avukat tal-Għajnuna Legali Noel Bartolo li kellu jidher għal Ebejer qal fil-Qorti li jista’ jkollu kunflitt ta’ nteress minħabba li huwa r-rappreżentant legali fl-amministrazzjoni tal-Qorti u l-kawżi tal-istess Qorti. Sadanittant l-Ispettur liu ressaq lil Ebejer, Roderick Agius qal fil-Qorti, li l-Avukat tal-akkużat Ludvig Caruana, ma jridx jidher aktar għalih.

Il-Qorti għamlet minn kollox biex jinġieb avukat biex ikun jista’ jiddeffendi lil Ebejer u qalet li kien se jiġi kkuntattjat l-avukat tal-għajnuna legali li jmissu fuq ir-roster. Minkejja dan kollu dan l-avukat ma setax jattendi, bit-tielet wieħed ma jkunx jista’ jsir kuntatt miegħu.

Finalment l-Avukat Benjamin Valenzia kien eventwalment appuntat mill-Qorti biex jidher għall-akkużat minflok l-indispost Marc Sant. Ebejer huwa magħruf fuq il-midja soċjali bħala Josmar Ebejer, u spiss itella’ filmati b’kummentarji fuq persuni pubbliċi.

Il-Prosekuzzjoni għaddiet kopja tal-video offensiv lill-Qorti fejn l-akkużat ingħata wkoll ingħata tazza ilma biz-zokkor minħabba li kellu livell baxx ta’ zokkor fid-demm. L-Ispettur Roderick Agius qal fil-Qorti li Ebejer tefa’ video jismu “To Joe Mifsud.” “Jien għamilt kuntatt mal-Maġistrat Mifsud u li dan qallu li l-video kienu nsulenti, u talab lill-Pulizija biex tipproċedi,” kompla jgħid l-Ispettur.

Kompla jgħid li wara nħareġ mandat ta’ arrest u Ebejer ġie arrestat fid-dar tiegħu. L-Avukati Alfred Abela u Lennox Vella, li kienu qegħdin jidhru bħala parte civile għall-Magistrat Mifsud aċċettaw l-iskuża ta’ Ebejer u qalu li l-Maġistrat ma kienx qed jinsisti li dan jingħata sentenza ta’ ħabs, iżda talbu biex il-videos kollha li jagħmlu xi referenza għall-Maġistrat Mifsud jitneħħew.

Mal-iskuża tiegħu, Ebejer qal – li l-marda li għandu xi drabi twasslu biex jitlef il-kontroll. “Kull ma rrid ġid u affarijiet tajba għalih,” huwa qal ftit wara li talab skuża.

Minbarra sentenza ta’ sentejn ħabs sospiżi għal erba’ snin il-Maġistrat Demicoli mmultat lil Ebejer €700 u ordni ta’ ħarsien favur il-Maġistrat l-familja tiegħu ġiet fis-seħħ. Il-Qorti ordnat ukoll li sal-5pm minn wara li Ebejer tressaq il-Qorti, jrid ineħħi kull video li Ebejer tefa’ u li fih jissemma il-Maġistrat Mifsud. Il-Qorti spjegat lir-raġel li jkun hemm konsegwenzi serji jekk il-video ma jitneħħiex.