L-awtoritajiet federali tal-Istati Uniti indikaw li l-aggressur adolexxenti li qatel u darab numru ta’ nies waqt sparatura oħra fi skola kien qed jaġixxi waħdu u li hu ma kienx affiljat ma’ xi grupp jew ideoloġija partikulari.
Fl-attakk tal-Ħamis, li sar fl-iskola sekondarja ta’ Saugus f’Santa Clarita, fin-naħa ta’ fuq ta’ Los Angeles ( Kalifornja) inqatlu żewġ studenti ta’ 16 u 14 il-sena, bi tlieta oħra jisfaw midruba,
L-aggressur, Nathaniel Berhow, li għandu 16-il sena wettaq l-attakk fuq il-kollegi proprju fil-jum meta hu għalaq sninu. Wara ħinijiet twal ta’ kaos, Berhow dawwar l-arma tan-nar fuqu nnifsu u spara għal rasu – bl-aħħar rapport jgħidu li hu qed jinżamm l-isptar fejn ġie dikjarat f’kundizzjoni kritika.
Waqt li kien għaddej l-attakk, l-istudenti u l-għalliema fl-iskola ngħalqu fil-klassijiet u tellgħu kull ostakolu li setgħu jsibu bħala barrikati, bil-għan li l-aggressur ma jidħolx għal fuqhom. L-azzjoni bażat fuq eżerċizzju ta’ sigurtà, magħruf bħala ‘active shooter drill’, li l-iskejjel fl-Istati Uniti qed jimplimentaw wara snin ta’ attakki qattiela simili.
L-awtoritajiet, issa, ikkonfermaw li Nathaniel Berhow ‘ħareġ l-arma bil-kalma kollha mill-backpack li kellu’ u beda jispara lejn l-istudenti u n-nies maġenbu fil-bitħa tal-iskola, ftit qabel il-lezzjonijiet tal-ġurnata. L-aggressur ma ċċaqlaqx minn fejn kien waqt l-isparatura li damet għal xi 16-il sekonda u sakemm hu spara għalih innifsu.
Sar magħruf li t-tlett midruba – żewġ tfajliet u ġuvni – jinsabu f’sitwazzjoni stabbli u li l-aggressur ma kellu l-ebda konnessjoni magħrufa mal-vittmi.
L-iskop għall-isparatura lanqas ma kien magħruf, bl-investigaturi, fl-aħħar sigħat, ifittxu fid-dar ta’ Berhow filwaqt li interrogaw lil ommu u missieru. L-investigaturi li qegħdin jibnu ‘profil’ ta’ dan iż-żgħażugħ, intant, saru jafu li Berhow kien tifel introvert iżda ‘ma hemmx indikazzjonijiet li hu seta’ kien il-vittma ta’ bullying’.
Skont il-Washington Post, ‘il fuq minn 230,000 tfal u adolexxenti fl-Istati Uniti kellhom esperjenza ta’ vjolenza li tinvolvi l-armi ġo kumpless ta’ skola, mindu seħħ l-infami massakru tal-1999 fl-Iskola Għolja ta’ Columbine, fl-Istat ta’ Kolorado.
//= $special ?>