Lokali

Wara Herrera…Evarist Bartolo jagħżel li ma jiddefendix lil Keith Schembri

F'temp ta' jumejn żewġ ministri jirriffjutaw li jingħaqgu mal-Prim MInistru fid-difiża taċ-Chief of Staff tiegħu

Wara l-Ministru Jose Herrera ilbieraħ, issa Ministru ieħor jirrifjuta li jiddefendi lil Keith Schembri.

Fl-aħħar sigħat, Jose Herrera wera biċ-ċar li mhux se jiddefendi lill-ħabib tal-Prim Ministru, wara li beża’ jixhed fl-appell li fetaħ hu stess kontra l-eks Kap tal-Partit Nazzjonalista Simon Busuttil.

Issa kien imiss lill-Ministru tal-Edukazzjoni Evarist Bartolo li jagħmel l-istess.

Bartolo għalhekk huwa t-tieni Ministru f’temp ta’ jumejn li ħa pożizzjoni kontra dik ta’ Joseph Muscat u ta’ għadd ta’ Ministri oħra, li baqgħu jagħmlu minn kollox biex jiddefendu liċ-Chief of staff tal-Prim Ministru.

Hekk kif il-Ministru għamel minn kollox biex ma nwaqqfuhx b’mistoqsijiet dwar Schembri,  Bartolo wieġeb biss li dak li kellu xi jgħid ilu li qalu, u għalkemm aħna bqajna nimxu mal-Ministru biex nieħdu l-kummenti tiegħu dwar dan, hu baqa’ jirrepeti t-tweġiba tiegħu.

Il-Ministru tal-Edukazzjoni kien qed jirreferi għal dak li kien qal lura fl-2016 meta kien ħareġ fil-beraħ l-iskandlu tal-kumpaniji fil-Panama tal-Ministru Konrad Mizzi u ta’ Keith Schembri. Dakinhar hu kien ċar ħafna dwar il-fatt li mhux aċċettabbli li persuni f’dawn il-karigi jkollhom kumpaniji sigrieti f’pajjiżi bħall-Panama. Dakinhar hu kien qal ċar u tond li kieku kien hu kien jirriżenja.

Iktar minn hekk dakinhar kien wiegħed li se jagħmel pressjoni fuq il-Parlament biex isir tibdil fil-liġijiet sabiex ċittadini Maltin jitwaqqfu milli jkollhom dat-tip ta’ kumpaniji.

Dak iż-żmien Evarist Bartolo kien fost ftit mill-membri tal-Kabinett ta’ Muscat li kellu l-kuraġġ jikkritika lill-Prim Ministru għall-fatt li ma talabx lill-Ministru Mizzi u liċ-Chief of Staff tiegħu, Keith Schembri jirriżenjaw.

Il-Ministru Evarist Bartolo

Bartolo jibqa’ jissemma’ għad-dikjarazzjoni tiegħu li hawn liġi għall-Allat u liġi għall-annimali.

Issa wara l-aġir ta’ Schembri nhar it-Tnejn kompliet tikber il-qasma fil-grupp Parlamentari Laburista hekk kif uħud baqgħu jiddefendu liċ-Chief of Staff filwaqt li numru ta’ deputati oħra ma huma qed jaqblu xejn mal-mod kif il-Prim Ministru qed jibqa’ jiddefendi lil sieħbu akkost ta’ kollox.