Minn bini mitluq għal lukanda ta’ 11-il sular f’żona residenzjali f’Tas-Sliema.
Din hija r-raġuni ewlenija wara protesta li saret is-Sibt filgħodu minn numru ta’ residenti Slimiżi li jinsabu mħassba ferm dwar il-futur tal-lokalità tagħhom, b’mod partikolari tat-Triq Ġuże’ Howard.
Il-bini inkwistjoni ilu mitluq għal ammont kbir ta’ żmien bil-konsegwenza li fih inġabar ammont ta’ skart, ħmieġ u ġrieden. Parti minn din il-binja saħansitra sfrondat. Issa żviluppatur qed jipproponi li jtella’ ħdax-il sular, fost l-oppożizzjoni tal-ġirien.
Din il-proposta ġabret ukoll diversi oġġezzjonijiet fosthom għax tmur kontra numru ta’ policies u tmur lil hinn mill-local plan għaliex tinsab f’żona li hi għall-użu esklussiv ta’ residenzi u mhux ta’ użu turistiku.
Skont il-proċess kif tirrikjedi l-liġi, il-Case Officer, li huwa espert indipendenti li jikteb rakomandazzjoni dwar jekk il-proġetti proposti għandhomx jingħataw permess jew le skont il-pjanijiet lokali, il-policies, il-liġijiet u konsiderazzjonijiet oħra, f’dan il-każ issuġġerixxa li dan il-proġett m’għandux jingħata l-permess.
F’indirizz lill-media, Paul Radmilli, Kunsillier tal-Partit Nazzjonalista, saħaq dwar il-bżonn ta’ master plan, u ta’ studji u stħarriġ li jistabbilixxi l-‘carrying capacity’ tal-lokalitajiet. Spjega wkoll illi meta wieħed iħares lejn il-liġi tas-sanità u tas-saħħa, dan l-iżvilupp propost imur kontra l-provedimenti ta’ din l-istess liġi.
Kienu bosta r-residenti li lmentaw ma’ NET News dwar l-effetti detrimentali li dan il-proġett se jħalli fuqhom; fosthom li ser tkompla tiggrava s-sitwazzjoni tal-parkeġġ fiż-żona, b’mod partikolari għaliex numru ta’ postijiet ta’ parkeġġ mistennija jingħataw għall-użu esklussiv tal-lukanda.
Wara l-ewwel seduta li saret quddiem il-Bord tal-Awtorità tal-Ippjanar, ġie deċiż li ssir ‘site visit’, biex wara tittieħed deċiżjoni finali mill-membri tal-Bord dwar jekk jingħatax dan il-permess jew le.
//= $special ?>