Hekk kif pajjiżna qed jinħakem minn riħ qawwi, li qawwa mhux ftit anke l-baħar madwar il-kosta ta’ Malta, sajjied f’Marsaxlokk tilef id-dgħajsa tiegħu.
Dan hekk kif il-mewġ, b’baħar qawwi, laqat mhux ftit il-Port ta’ Marsaxlokk u spiċċa biex għarraq din id-dgħajsa.
Sajjieda li tkellmu ma’ Net News esprimew id-dieqa tagħhom għall-ispejjeż li qed iġarrbu regolarment f’dan il-port li hu ħolqa importanti għas-sajd f’Malta.
Dan minkejja wegħdiet mill-Gvern Laburista li se jassistihom, fost oħrajn meta fl-2014 Gvern Laburista wiegħed investiment ta’ €6 miljun biex jinbena l-breakwater.
Dakinhar, il-Gvern wiegħed li se jlesti l-proġett f’dik il-leġiżlatura, iżda issa ninsabu f’nofs it-tieni waħda u l-proġett għadu mhux lest.