Lokali

Eluf fil-Belt b’vuċi waħda kontra l-korruzzjoni

Eluf ta’ Maltin u Għawdxin inġabru fi Pjazza Teatru Rjal, quddiem il-Parlament ta’ Malta għal dimostrazzjoni kontra l-korruzzjoni istituzzjonalizzata f’pajjiżna.

Dan fl-isfond li l-Prim Ministru Joseph Muscat innifsu li ma ħa l-ebda azzjoni fil-konfront ta’ nies qrib tiegħu bħaċ-Chief of Staff Keith Schembri.

L-istess Schembri li t-Tnejn li għadda għażel li jwaqqa’ libell li beda hu stess għax qal li ma jridx jinkrimina ruħu. U minkejja din id-dikjarazzjoni ta’ sieħeb il-Prim Ministru stess – li għandu biex jinkrimina ruħu – Muscat jibqa’ sieket daqslikieku qatt ma ġara xejn. Fil-fatt, għal darba tnejn, esprima l-fiduċja sħiħa fiċ-Chief of Staff tiegħu u żammu fil-pożizzjoni għolja li għandu.

Id-dimostranti mxew tul Triq ir-Repubblika sakemm waslu quddiem il-Qorti ta’ Malta, fejn mistennija numru ta’ diskorsi. L-għażla li d-dimostrazzjoni tibda minn quddiem il-Parlament, l-ogħla istituzzjoni f’Malta, u tintemm quddiem il-Qorti kienet waħda simbolika, f’messaġġ għall-ġustizzja.

Dan kollu kien organizzat mill-għaqdiet Repubblika u Occupy Justice, flimkien mas-soċjetà ċivili

Diversi Membri Parlamentari tal-Partit Nazzjonalista, inkluż il-Kap tal-PN Adrian Delia, attendew għal din id-dimostrazzjoni b’turija ta’ appoġġ għal dan il-messaġġ.