Lokali

Il-Madonna tal-Kunċizzjoni tirritorna f’darha

Raħal Ġdid infexx f’tifħir u qima lejn il-Madonna tal-Kunċizzjoni ta’ Bormla hekk kif is-Sibt laqgħu l-vara ġewwa l-lokalità fi triqitha lura lejn il-Kottonera.

L-aveniment seħħ 75 sena minn meta ittieħdet deċiżjoni li l-istatwa tittieħed lejn Birkirkara biex tkun iktar sigura hekk kif Bormla kienet waħda mil-lokalitajiet fl-eqqel tal-attakki mill-ajruplani waqt it-Tieni Gwerra Dinjija. Wara l-gwerra imbagħad, din irritornat lejn in-niċċa tagħha f’Bormla.

Filfatt, iċ-ċelebrazzjoni tar-ritorn tagħha s-Sibt bdiet ġewwa l-Bażilika ta’ Birkirkara minn fejn ngħata bidu l-pellegrinaġġ lejn Raħal Ġdid b’waqfiet f’diversi lokalitajiet fosthom Fleur de Lys, Santa Venera, il-Ħamrun u l-Marsa. F’ Raħal Ġdid, il-vara tal-Kunċizzjoni ntlaqgħet ġewwa l-pjazza quddiem folla mdaqqsa qabel iddaħlet ġewwa l-Knisja.

Hekk kif daħlet fil-Knisja ppakjata kollha nies, dawk preżenti nfexxew f’ċapċipa waħda għal Madonna tal-Kunċizzjoni.

Il-vara tal-Madonna tal-Kunċizzjoni tpoġġiet faċċata l-qaddis patrun ta’ Raħal Ġdid, Kristu Re.

Iktar tard saret il-Pontifikal mill-Arċisqof ta’ Malta, Charles J. Scicluna ġewwa l-istess Knisja. Wara, il-pellegrinaġġ kompla minn Raħal Ġdid sakemm l-vara waslet lura Bormla.

Tnax-il ġurnata ilu, l-istess statwa tal-Kunċizzjoni ta’ Bormla ttieħdet minn Bormla lejn il-Bażilika ta’ Birkirkara f’pellegrinaġġ.

Hekk kif telqet minn Bormla lejn Birkirkara, il-pellegrinaġġ waqaf fil-Parroċċa tal-Madonna tal-Karmnu fil-Fgura u fil-Parroċċa tal-Kunċizzjoni fil-Ħamrun, fejn mijiet ta’ persuni laqgħu l-vara.