Futbol Sport

It-tim nazzjonali ta’ taħt il-21 sena jħalli Malta għal impenn mill-grupp ta’ kwalifikazzjoni

Dalgħodu t-tim nazzjonali Malti ta’ taħt il-21 sena ħalla pajjiżna għall-impenn minn Grupp 8 tal-fażi ta’ kwalifikazzjoni kontra d-Danimarka. Iż-żgħażagħ Malti se jagħmlu ġurnata fl-Olanda qabel ikomplu l-vjaġġ tagħhom lejn id-Danimarka. Il-logħba tintlagħab it-Tlieta fid-19 ta’ Novembru fl-Aalborg Stadium fis-6.00pm.

Il-kowċ nazzjonali Silvio Vella sejjaħ skwadra finali ta’ 20 plejer. Mill-iskwadra proviżorja naqsu l-midfielder ta’ Hibernians Ayrton Attard, id-difensur ta’ Ħamrun Spartans Darren Borg u l-midfielder ta’ St. George’s Loumar Cutajar, bl-aħħar tnejn kienu msejħa mal-iskwadra għall-ewwel darba. B’hekk fl-iskwadra finali hemm għall-ewwel darba Nevin Portelli ta’ Tarxien Rainbows.

Id-difensur ta’ Sliema Wanderers Kurt Shaw jinsab lura fl-iskwadra wara li x-xahar l-ieħor għamel id-debutt fit-tim nazzjonali tal-kbar, bil-midfielder Matthew Guillaumier ukoll jinsab fl-iskwadra hekk kif tilef l-aħħar logħbiet minħabba li kien imweġġa’. Ritorn ieħor hu l-attakkant ta’ Gudja United Aidan Friggieri li ma lagħbx fl-aħħar logħba kontra l-Finlandja. Nieqes minn din l-iskwadra hemm id-difensur ta’ Sliema Wanderers Michele Sansone li hu mweġġa’.

It-tim Malti sa issa lagħab tliet logħbiet barra l-pajjiż, bi draw kontra l-Irlanda ta’ Fuq u telfiet ta’ 4-0 kontra l-Ukrajna u l-Finlandja. Id-Daniżi li jinsabu b’punti massimi minn tliet logħbiet.

Skwadra Maltija

Gowlkipers: Timmy Aquilina (Gudja United), Andreas Vella (Mosta)

Difensuri: Jean Borg (Valletta), Dejan Debono (Senglea Athletic), Nicholas Pulis (Valletta), Zachary Karl Grech (Balzan), Kurt Shaw (Sliema Wanderers), Zachary Cassar (Gudja United), Gary Camilleri (Tarxien Rainbows)

Midfielders: Myles Beerman (Hibernians), Marcus Grima (Balzan), Nevin Portelli (Tarxien Rainbows), Jamie Zerafa (Santa Lucia), David Xuereb (Senglea Athletic), Aidan Friggieri (Gudja United), Jan Tanti (Senglea Athletic), Matthew Guillaumier (Birkirkara)

Attakkanti: Jan Busuttil (Floriana), Zachary Brincat (Mosta), Omar Elouni (Santa Lucia)