Lokali

“Keith Schembri u Joseph Muscat ħatfu lil Malta f’idejhom” – Adrian Delia

Keith Schembri m’għandux triq oħra ħlief li jirriżenja u jekk ma jirriżenjax Joseph Muscat għandu jkeċċih. Kull ġurnata li tgħaddi u li matulha Keith Schembri jibqa’ fil-kariga, hija konferma oħra li Keith Schembri huwa aktar b’saħħtu minn Joseph Muscat.

Meta waqqa’ l- libell li fetaħ hu stess kontra Simon Busuttil, Keith Schembri kkonferma li għandu x’jaħbi. Li kieku Joseph Muscat kellu l-interess nazzjonali għal qalbu kien ineħħih, iżda Joseph Muscat aktar interessat li jħares l-interessi tiegħu u ta’ Schembri milli tal-poplu Malti u intant qed issir ħsara kbira lir-reputazzjoni ta’ pajjizna.

Dan qalu l-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia meta s-Sibt filgħodu kien intervistat fuq NET FM.

Dr Delia qal li Joseph Muscat tela’ bl-għajta ta’ ‘Malta Tagħna Lkoll’, iżda llum pajjiżna sar ta’ ftit magħżula, b’nies bħal Keith Schembri b’poter assolut f’idejhom, jagħmlu li jridu. Ma jeżisti ebda level playing field fil-pajjiż, min hu b’saħħtu ħafna bil-barka ta’ Joseph Muscat u Keith Schembri jagħmel li jrid, protett u ‘l fuq mil-liġi.

Kawża t’hekk il-maġġoranza ta’ negozjanti li jridu jinvestu b’mod onest qed isibuha dejjem iktar diffiċli u għexieren ta’ eluf ta’ familji jbatu biex ilaħqqu mal-ħajja li dejjem qegħda togħla. Keith Schembri u Joseph Muscat ħatfu lill-Partit Laburista f’idejhom u issa ħatfu lil Malta. Qatt daqs illum ma tinħass il-ħtieġa ta’ bidla għall-ahjar sostna Adrian Delia.

Għalhekk illejla l-Partit Nazzjonalista jħeġġeġ lill-poplu Malti sabiex jattendi l-protesta li se ssir kontra l-korruzzjoni u biex il-Prim Ministru Joseph Muscat ineħħi lil Keith Schembri. Il- Partit Nazzjonalista għandu fi ħdanu ħsibijiet u vuċijiet differenti, iżda li jgħaqqadna hi d- determinazzjoni li l-pajjiż jitnaddaf mill-korruzzjoni li ħakmet lill-istituzzjonijiet, li dan il- Gvern ġabhom f’għodda politika sabiex jipproteġi l-interessi tal-ftit.

Adrian Delia qal li l-Partit Nazzjonalista determinat li jġib bidla għall-aħjar. Dan qed jagħmlu billi jkun man-nies, jisma’ l-htigijiet tagħhom u jiltaqa’ mas-setturi tas-soċjetà biex flimkien iwettaq politika ta’ fejda bbażata fuq il-ġustizzja soċjali, b’level playing field u biex il-ġid li jinħoloq verament jasal u jitgawda minn kulħadd.