Lokali

L-ERA twaqqaf ix-xogħol illegali f’Wied Qirda … il-ħaddiema jinjorawhom

L-Awtorità tal-Ambjent u r-Riżorsi, l-ERA, fl-aħħar sigħat waħħlet notifiċi li jordnaw biex ma jkomplix isir ix-xogħol f’Wied Qirda, f’Ħaż-Żebbuġ. Dan ix-xogħol fost oħrajn ifisser l-asfaltar tat-triq, li saħansitra qed titwessa’ iktar minn kif kienet oriġinarjament.

Madankollu dalgħodu l-ħaddiema injoraw din l-ordni u saħansitra nqalgħu uħud min-notifiċi ta’ Waqfien u Komformita li kienu twaħħlu.

Dan wassal biex sar rapport lill-ERA, li bagħtet uffiċjali tagħha fil-post akkumpanjati mill-Pulizija biex jaraw li l-ordnijiet ikunu segwiti. Minkejja dan, ix-xogħol approvat minn Infrastructure Malta, li taqa’ taħt ir-responsabbilta tal-Ministru Ian Borg, komplew ftit ħin wara.

Filfatt Net News irċieva rapporti li juru kif l-inġenji kbar, inkluż gafef u trakkijiet, kienu għadhom qed joperaw ftit wara l-ħdax ta’ filgħodu, iktar minn siegħa wara l-wasla tal-Pulizija fil-post.

Skont il-Moviment Graffiti, kienet Infrastructure Malta stess li qaltilhom biex jinjoraw in-notifiċi u jibqgħu għaddejjin bix-xogħol.

L-iżvilupp iseħħ jiem biss wara li l-Ministru Ian Borg ipprova jirridikola lil min kien qed jilmenta dwar dan ix-xogħol illegali. Issa, bil-Pulizija u l-uffiċjali tal-ERA fil-post, hu uffiċjali li l-Ministru kien qed japprova xogħol illegali f’sit li hu protett bħala Żona ta’ Konservazzjoni Speċjali.

Fl-istess sit fl-aħħar jiem sfortunatament seħħ ukoll inċident, meta trakk mgħobbi bit-tarmak waqa’ għall-wied bix-xufier fortunatament jeħlisha ħafif.