Lokali

Marie Louise Coleiro Preca wkoll tappella kontra l-proġett tal-Ġordaniżi

Tkompli l-kritika għall-pjan tal-Gvern li jagħti ċ-ċans lill-Ġordaniżi, li għandhom suppost-Università fil-Kottonera, biex jibnu dormitorju kbir fiż-żona.

Wara r-residenti u għadd ta’ għaqdiet mhux governattivi, issa tkellmet ukoll il-President Emeritus Marie Louise Coleiro Preca, li qabel it-terminu tal-Presidenza kellha wkoll diversi karigi fil-Partit u fil-Gvern Laburista.

Fost l-oħrajn, hi kellha l-kariga ta’ Segretarju Ġenerali tal-Partit Laburista, sakemm qabel il-Presidenza kienet ukoll Ministru. Sal-aħħar elezzjoni li kkontestat, hi kienet fost l-aktar Deputati miż-żewġ naħat tal-Kamra li tingħata fiduċja bil-vot tal-poplu.

Fuq Facebook, Coleiro Preca qalet li qed tingħaqad mar-residenti tal-Kottonera u l-għaqdiet li qed jitkellmu f’isimhom fl-appell biex l-applikazzjoni tal-Ġordaniżi tieqaf. Dan hekk kif huma qed itennu li b’din il-monstrożità – kif qed isejħulha huma – il-Kottonera se tkun qed titlef għadd ta’ xeni mill-isbaħ, fosthom tal-wirt storiku fiż-żona.

Ġimgħatejn ilu, dawn kollha nġabru fit-toroq biex iwasslu l-għadab tagħhom bl-għajta li mhux se jħallu lil ħadd jgħaddi minn fuqhom. Il-Ħadd, ir-residenti mistennija jinġabru mill-ġdid fiż-żona biex itennu l-appell tagħhom.

Dwar dan kollu, Marie Louise Coleiro Preca qalet li se żżomm quddiem għajnejha lit-tfal u liż-żgħażagħ, li jixtiequ aktar spazji ta’ rikreazzjoni u ta’ serħan il-moħħ.

Għaldaqstant – anke in vista tal-fatt li l-proġett tal-Ġoraniżi se jkun qed jieħu wkoll għadd ta’ spazji pubbliċi – hi tenniet l-appell tagħha wkoll lill-awtoritajiet biex iwaqqfu dan il-proġett. Hi qalet li dawn l-ispazji għandhom jibqgħu jitgawdew mit-tfal, miż-żgħażagħ, mill-anzjani u mill-familji.

Bid-diskussjoni dwar dan il-proġett issa ilha għaddejja x-xhur, ir-residenti tal-Kottonera jafu li dejjem sabu l-appoġġ tal-Kunsillieri Lokali tal-Partit Nazzjonalista, bil-vot deċiżiv mistenni jittieħed il-Ħamis li ġej.