Lokali

MATUL OTTUBRU: Irreġistrati 94 millimetru ta’ xita; 20 mm iktar milli mistenni

Diversi maltempati u ħalbiet tax-xita waslu biex niżlet 94mm ta’ xita fuq il-gżejjer Maltin fix-xahar ta’ Ottubru. Dan jammonta kważi 20mm iktar milli mistenni matul dan iż-żmien tas-sena.

Fil-fatt, l-aħħar jiem ta’ Ottubru kien fost l-iktar imxarrbin, billi 24.6mm ta’ xita niżlu fuq il-gżejjer fid-29 tax-xahar. Dan wara sajf sħun u niexef li ġabet magħha din is-sena.

It-temperaturi f’dan ix-xahar niżlu minn medja ta’ 25°C f’Settembru għal meda ta’ 22°C f’Ottubru. Madanakollu, it-temperaturi tal-ajru baqgħu relattivament stabbli u sħan matul ix-xahar li għadda. Fil-fatt, it-temperatura varjat bejn dik massima ta’ 29°C u dik minima ta’ 16°C. Dawn intlaħqu fl-ewwel u t-tmienja ta’ Ottubru, rispettivament.

It-temperaturi kienu ġeneralment iktar sħan mis-soltu, hek kkif il-medja tal-iktar temperaturi għoljin u dawk l-iktar baxxi żdiedu b’nofs grad u grad rispettivament meta mqabbla man-norma klimatika.

Dan ma jfissirx li Ottubru ma ġabx miegħu sħab iswed u jiem tempestużi. Fil-fatt, matul l-ewwel nofs tax-xahar biss, il-Gżejjer Maltin intlaqtu minn ħames maltempati bir-ragħad. L-għadd ta’ jiem tempestużi rdoppja sal-aħħar tax-xahar hekk kif żdied għal ħdax-il jum.